Missier li gidem lil ibnu wara li dan tal-aħħar waddabblu l-karawett kien ordnat jagħmel 150 siegħa xogħol fil-komunità. Viżibilment urtat fil-Qorti, l-akkużat staqsa b’liema mod kien se jiddixxipplina lill-ibnu, wara li ammetta li kkawżalu ġrieħi ħfief.
Jidher li kollox beda meta iben l-akkużat, li għandu 14-il sena, waddab pakkett miftuħ tal-karawett lil missieru, b’dan tal-aħħar jheddu li se jneħħilu l-aċċess għall-internet. It-tifel allegatament ipprova jwaqqaf lill-missieru milli jagħmel dan, u fis-saħna tal-mument il-missier gidem lill-ibnu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella wisset lill-akkużat li hemm diversi modi kif wieħed jiddixxipplina lill-uliedu. Din sabet lill-missier ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ordnat li jagħmel 150 siegħa xogħol fil-komunità taħt superviżjoni. Fl-istess ħin il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-akkużat u ta’ ibnu ma jkunux imxandra biex dan tal-aħħar ikun protett.