L-istorja fis-Sunday Times of Malta hija gidba sfaċċata. Qal dan l-Uffiċju tal-Prim Ministru fi stqarrija, b’referenza għall-artiklu intitolat “Attempt to replace head of tax compliance unit”, miktub minn Ivan Camilleri.
Il-kap tat-tax compliance unit hija pożizzjoni li għaliha jingħata kuntratt definit ta’ tliet snin. Dak ta’ bħalissa mistenni jiskadi f’Novembru. Dan skont proċeduri tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li ilhom hemm snin. Huwa proċess normali li kull min hu f’pożizzjoni ta’ direttur jew aktar ikollu jgħaddi minnu.
Fl-istqarrija l-Uffiċju tal-Prim Ministru nnota li s-Sunday Times of Malta qatt ma saqsew kummenti jew verifiki, iżda rrikorrew għal sorsi mingħajr ma żvelaw min huma. Dan kollu jimmina l-kredibilità tal-istorja.