Hija impressjoni żbaljata dik li nxterdet fost xi wħud li t-tfal kollha fl-iskejjel Maltin se jibdew jitgħallmu l-Islam. Qal dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, li uża l-facebook biex jiċċara għidut li nxterrdu.
“Ejja niċċaraw l-affarijiet dwar tagħlim tar-reliġjonijiet fl-iskejjel. Bħalissa għandna t-tagħlim tar-reliġjon Kattolika u tal-etika għal dawk li jagħżlu li ma jieħdux tagħlim tar-reliġjon Kattolika.”
“Għandna talba minn ċittadini Maltin Misilmin li jixtiequ wliedhom jitgħallmu studji Islamiċi fl-iskejjel. Dan it-tagħlim bħal fil-każ tar-reliġjon Kattolika u tal-etika jkun biss għal dawk li jagħżluh u mhux xi tagħlim bilfors għat-tfal kollha,” qal Evarist Bartolo.
Bartolo qal li kull tagħlim, anki tal-istudji Islamici, irid isir skond programm approvat u jwassal għall-ċertifikat bħas-suġġetti l-oħra tas-SEC.
“Żgur mhux se nippermettu tagħlim ta’ mibegħda għal min ma jemminx bħalek jew favur il-vjolenza,” żied Bartolo li fisser kif kollox irid isir b’rispett lejn il-Kostituzzjoni u l-ligijiet ta’ Malta, il-jeddijiet tal-bniedem u d-demokrazija.