Ħafna mill-aħbarijiet li nisimgħu, jintesew mil-lum għal għada. Imma dan ma jgħoddx għal kulħadd. Għax ikun hawn min li ċerti aħbarijiet jagħmlulu differenza kbira f’ħajtu. Eżempji nista’ nagħti bil-bosta, imma se nillimita ruħi għal dak li rajna jew smajna f’dawn l-aħħar ġimgħat.
L-ewwel eżempju: Investiment ta’ tmien miljun ewro f’laboratorji ġodda fl-iskejjel sekondarji kollha ta’ Malta u Għawdex. Mhix ċajta. Meta l-istudenti ta’ dawn l-iskejjel jerġgħu lura fil-ftuħ tas-sena skolastika li jmiss, se jsibu laboratorju ġdid. Permezz ta’ dawn il-laboratorji, l-istudenti se jkunu jistgħu iħejju ruħhom aħjar għall-ġejjieni tagħhom għax se jingħataw l-opportunità li jmissu b’idejhom dak li se tkun qied tistenna mingħandhom l-industrija. Se jħejju l-istudenti biex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażla meta jiġu biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
It-tieni eżempju: Impjant ġdid tan-New Water f’Ras il-Ħobż, Għawdex. Dan huwa t-tieni impjant wara li kien sar wieħed simili fil-Mellieħa li minnu qegħdin igawdu l-bdiewa tal-inħawi. U mill-impjant ta’ Għawdex, se jgawdu l-bdiewa Għawdxin kollha għax l-ilma jintuża għat-tisqija tal-frott u l-ħaxix li issa jistgħu jitkabbru s-sena kollha
It-tielet eżempju: Eżempju li wkoll jolqot lill-Għawdxin. Ftuħ ta’ berġa ġdida fix-Xewkija. Uffiċċju ġdid tal-Pharmacy of Your Choice. Miexi x-xogħol fuq ċentru tas-saħħa ġdid fir-Rabat. Ma nahsibx li għandi għalfejn nispjega kif se jgawdu l-Għawdxin kollha minn dawn il-proġetti.
Ir-raba’ eċempju: Ftehim bejn il-Gvern u għaqdiet volontarji tal-Knisja, għaqdiet li joffru għajnuna lil numru ta’ nies vulnerabbli. Dawn l-għaqdiet ingħataw eluf ta’ ewro biex ikunu jistgħu jkomplu bil-ħidma siewja li qegħdin iwettqu.
Nista’ nibqa’ nġib eżempju wara ieħor.
Imbagħad jiġi Adrian Delia u jistaqsi min qed igawdi mill-ġid li qed jinħoloq fil-pajjiż! Dawn kollha huma eżempji li juru li l-ġid qiegħed jitqassam fost kulħadd.