“Il-ġibjun Naval – Ġawhra arkitettonika moħbija f’Ħal Luqa li fi żmien l-Ingliżi kienet tintuża biex tissuplixxi l-ilma lid-drydocks. Għalkemm ilu żmien battal u ma jintużax issa beda l-proċess sabiex din ir-riżerva tal-ilma tibda timtela u tibda tintuża mill-ġdid.
ONE News tkellem mal-Perit Rene Fava li spjega kif dan il-ġibjun instab f’qagħda tajba ħafna. Stqarr li issa irid isir proċess ta’ ttestjar qabel din ir-riżerva ta’ żmien l-Ingliżi terġa’ timtela bl-ilma u jidħol fis-sistema.
Is-Sur Fava fisser: “Bħala ġibjun huwa f’kundizzjoni tajba ħafna, kważi konna sorpriżi kemm huwa f’kundizzjoni tajba allura li ħa jiġri issa se nnaddfuh l-ewwel, imbagħad nimlewh u nagħmlu dak li jgħidulu drop test. Jiġifieri tħallih ċertu ammont ta’ ġranet u dejjem tipprova timmonitorja jekk il-livell tal-ilma jkunx qed jonqos jew le. Jekk dak id-‘drop test’ jgħaddi allura dak il-ġibjun ikun jista’ jintuża bħala parti mis-sistema, min-network ta’ distribuzzjoni tal-water services.”
Waqt żjara li għamlet f’dan il-ġibjun il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, spjegat kif lil hinn mill-isbuħija ta’ din l-istruttura issa b’investiment ta’ nofs miljun ewro dan il-ġibjun ta’ żmien l-Ingliżi ser ikun qed jintuża biex itejjeb il-kapaċità tal-ħażna tal-ilma ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Dalli qalet, “L-iktar ħaġa importanti f’dan l-investiment ta’ nofs miljun ewro huwa li dan ir-reservoir Naval jerġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu fejn iservi bħala ħażna tal-ilma biex naċċertaw ruħna li l-konsumatur Malti qatt ma jispiċċa mingħajr ilma.”