Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, ħabbar proġett fl-Imqabba, li se jara ġibjun ta’ madwar 1,000 metru kwadru u li bħalissa m’għandu l-ebda użu, jinbidel fi spazju miftuħ għall-familji tal-lokal u dawk kollha li jżuruh.
Il-ġibjun, li għal snin twal kien jintuża biss biex jilqa’ l-ilma tax-xita, issa se jkun qed jissaqqaf biex jinbidel f’pulmun aħdar aċċessibbli għal kull min jixtieq iqatta’ ftit ħin ta’ rilassament jew divertiment.
Ġie spjegat li l-ewwel fażi tal-proġett se tikkonsisti f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-ġibjun, li jfissru li l-ilma tax-xita jkun jista’ jinġabar fih u jintuża għat-tisqija tas-siġar, il-pjanti u l-arbuxelli li se jitħawlu fil-ġnien il-ġdid.
Fl-istess ħin se jkun qed ikompli jtaffi mill-problema tal-għargħar f’din iż-żona tal-lokalità.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14094341/pr250240a-1024x711.jpg)
Is-Segretarju Parlamentari saħaq kif il-ħolma ta’ kull familja Mqabbija se tkun qiegħda ssir realtà bi proġett tanġibbli li se jolqot eluf ta’ tfal, żgħażagħ u anzjani residenti, li wkoll hi wegħda li għamel il-Gvern u issa qed iwettaqha.
“Din hija l-istrateġija ta’ dan il-Gvern, li nkomplu ninvestu f’dawn l-ispazji miftuħa fin-Nofsinhar tal-pajjiż biex il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-familji Maltin u Għawdxin tkompli miexja ’l quddiem u t-titjib fil-livell tagħha.”
Omar Farrugia, Segretarju Parlamentari
Min-naħa tagħha, Grace Marie Zerafa, Sindku tal-Imqabba, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dan l-ispazju miftuħ ġdid, li se jitwettaq mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, bħala ta’ importanza fil-ħidma tal-kunsill.
“L-impenn tal-kunsill huma r-residenti u jara xi jridu u jwettaq dak li jridu. Fil-fatt, dan kien spazju pjuttost mitluq għal numru ta’ snin u kien anke ta’ inkonvenjent matul ix-xhur sħan tas-sajf. Allura, ħassejna l-ħtieġa li nirrikorru għand is-Segretarju Parlamentari u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u b’hekk llum qed naraw wieħed mill-akbar proġetti ambjentali li qatt saru fl-Imqabba.”
Grace Marie Zerafa, Sindku Mqabba
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/14094339/pr250240b.jpg)
Il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ madwar €700,000, jikkonsisti f’soft landscaping, bankijiet ġodda li huma maħsubin biex jipprovdu spazju kalm li jsaħħaħ il-kuntest soċjali u kulturali lokali kemm matul il-ġurnata kif ukoll filgħaxija, jindirizza l-inkonvenjent tan-nuqqas ta’ parkeġġi b’20 parkeġġ ġdid u sistema sostenibbli ta’ pannelli fotovoltajiċi u sistema ta’ sigurtà.