“Ma nieqafx u ma rridx nieqaf qatt. Min jieqaf jintilef.”
Dan kien il-kliem li ħalliena bih il-kantant leġġendarju Taljan Gianni Morandi ftit mumenti qabad ajruplan biex jirritorna f’art twelidu.
Dan wara li f’dawn l-aħħar jiem żar Malta biex jagħti kunċert fostna, bħala parti mit-tour tiegħu bl-isem ‘Go Gianni Go!’ organizzat mill-kumpanija Maltija Globe Music Ltd b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata lokali Taljana.
Hekk kif kien fl-Ajruport biex jaqbad it-titjira lejn l-Italja, Morandi kellimna dwar l-esperjenza tiegħu f’Malta. Tenna li l-kunċert mar tajjeb ħafna, tant li anke l-Maltin kantaw mal-kanzunetti li ppreżentalhom.
Sostna wkoll li dar il-ġawrhiet li joffri pajjiżna, fosthom il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Qal, “Bqajt immeraviljat forsi fuq il-Kon-Katridral ta’ San Ġwann, li qatt ma kont mort qabel. Kont rajtu, madankollu ma kellix il-ħin narah. Il-meravilja tal-Kon-Katidral, inkredibbli, imbagħad kien hemm l-opra kbira ta’ Caravaggio, li kienet sorpriża straordinarja.”
Kien hawn li staqsejnih x’għandu ppjanat għaż-żmien li ġej. Morandi tenna li għandu aktar mużika x’jikteb, minkejja li tul il-karriera twila tiegħu, jibqa’ mfakkar għan-numru kbir ta’ suċċessi li fuq għexieren ta’ snin kiteb u interpreta.
Qal, “Qed nipprepara kanzunetti ġodda. Ma niqafx u ma rrid nieqaf qatt. Min jieqaf jintilef. Irrid nibqa’ għaddej, irrid niltaqa’ ma’ Jovanotti, irrid niltaqa’ wkoll ma’ ħafna awturi Taljani, biex niktbu flimkien kanzunetti ġodda.”
Intant l-aħħar kelma tal-leġġendarju Taljan kienet “grazzi”, b’reazzjoni partikolari għall-akkoljenza li rċieva mingħand il-Maltin.
Qal “Nispera li nkun nista’ nirritorna malajr. L-aktar ħaġa importanti li jien nista’ ngħid hija, l-aktar ħaġa sinċiera hi, grazzi lill-ħbieb Maltin tiegħi għax urewni mħabba u parteċipazzjoni kbira. Iltqajt man-nies fit-triq, sellmuli, kien hemm min ried ir-ritratti, kien hemm min tkellem miegħi fuq mużika Taljana. Mort tajjeb ħafna u nixtieq ngħid grazzi lil sħabi l-Maltin.”