Il-kantant Taljan Gianni Morandi jinsab f’Malta, hekk kif is-Sibt se jkun qed ikanta f’kunċert fil-Forti Manoel.
Dan il-kunċert se jittella’ bħala parti mit-tour ta’ Morandi bl-isem ta’ ‘Go Gianni Go!’ u qed jiġi organizzat mill-kumpanija Malta, Globe Music Ltd b’kollaborazzjoni tal-Ambaxxata Taljana f’Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kantant ta’ fama mondjali spjega li din mhiex l-ewwel darba tiegħu f’pajjiżna. Fl-2019, Gianni Morandi kien ta kunċert fl-MFCC, f’Ta’ Qali.
Qal, “Jiena ninsab kuntent ħafna li qiegħed Malta. Kont diġà ġejt qabel u kien kunċert sabiħ erba’ snin ilu. Nispera li noffri gost lill-pubbliku li ġej jarani. Jien se nippreżenta l-kanzunetti, ktibt iktar minn 600 kanzunetta imma se nipprova nagħmel għażla tal-kanzunetti tiegħi min tal-lum il-ġurnata, ta’ lbieraħ u ta’ lbieraħtlula.”
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici. Huwa saħaq li din hija opportunità ta’ tisħiħ tar-relazzjonijiet kulturali bejn Malta u l-Italja.
Huwa qal li dan il-kunċert se jsegwi l-kunċerti li qed itella’ proprju bħalissa kantant ieħor Taljan ta’ fama internazzjonali, Pupo.
L-Ambaxxatur Taljan għal Malta, Fabrizio Romano qal li l-preżenza f’Malta ta’ artist bħal Gianni Morandi jkompli jgħaqqad u jsaħħaħ ir-rabta kulturali bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
F’kumment ma’ ONE News, Morandi għalaq l-intervista b’dan il-messaġġ għall-Maltin.
Qal, “Jien ġejt bl-intenzjoni kollha li niddivertikom u nispera li jirnexxieli ntikom gost. Grazzi għall-imħabba tagħkom.”