Waqt laqgħa tal-kumitat parlamentari għall-kontijiet pubbliċi tal-Erbgħa waranofsinhar, li fiha għal darb’oħra kien qed jiġi diskuss il-kuntratt tal-Electrogas, komplew joħorġu biċ-ċar il-mottivi politiċi tad-Deputati Nazzjonalisti.
Waqt il-kumitat, li quddiemu kien qed jidher is-Sur Paul Apap Bologna, rappreżentat ukoll permezz tal-Avukat Giannella de Marco kompla jinxteħet dawl fuq l-atteġjament tad-Deputati Nazzjonalisti, partikolarment Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami li ntqal li jiksru d-drittijiet ta’ min jidher quddiem il-kumitat.
Fil-fatt, waqt il-mistoqsijiet ta’ Karol Aquilina lil Apap Bologna, l-Avukat Giannella de Marco rrimarkatlu kif il-mistoqsijiet li kienu qed isiru lill-klijent tagħha ma kellhomx relevanza.
Dr de Marco qalet, “Jien m’iniex hawnhekk la biex indejqek u lanqas biex nimpressjonak. L-aħħar persuna li naħseb li ħa nimpressjona però jien qegħda hawn biex nara li d-drittijiet tal-klijenti tiegħi jiġu salvagwardjati.”
Għal dan Karol Aquilina, viżibbilment skomdu b’li qaltlu, pponta lejn l-Avukat de Marco u qallha li hu ma jitħallasx mill-kriminali.
Madankollu de Marco pront sostniet li d-dritt ta’ smigħ xieraq huwa dritt għal kulħadd: “Jekk is-Sur Aquilina ma jafx x’inhu avukat jien jiddispjaċini għalih. Naħseb is-Sur Aquilina għandu jitgħallem x’inhuma d-drittijiet u jekk għalih id-drittijiet tal-individwu ma jeżistux, jekk għalih id-dritt tas-smigħ xieraq huwa xi ħaġa li jikkalpesta mela allura s-Sur Aquilina m’għandux post hawn ġew.”
Madankollu Karol Aquilina wieġeb hekk: “Ma tiddeċidix int min għandu post hawn ġew, jiddeċiedi l-poplu u inti m’intix il-poplu.”
Għal dan l-Avukat de Marco pronta wieġbet li l-atteġjament ta’ Karol Aquilina permezz tal-mistoqsijiet irrelevanti li beda jsaqsi, kienu qed imorru kontra dak li qalet il-Qorti.
Hija sostniet: “Jien m’iniex hawnhekk biex niġi eletta minn ħadd. Issa jekk inti qiegħed tagħmel dak li propju l-Qorti qaltlek li ma tistax tagħmel li huma politically loaded and biased comments, mela allura kompli għamel hekk! Kompli irfes id-drittjiet tan-nies.”
B’reazzjoni għall-atteġjament ta’ Aquilina, l-Avukat de Marco tat il-parir lill-klijent tagħha ma jirrispondix il-mistoqsijiet ta’ Karol Aquilina magħmula biex jiggwadanja kapital politiku.
Hija saħqet: “Missek tistħi tagħmel hekk. Tirrispondi xejn. Isaqsik x’isaqsk Dr Aquilina qed nagħtik jien id-direzzjoni u l-parir biex ma tirrispondix għax dawn mhumiex domandi magħmula biex verament isir jaf. Dawn huma domandi biex jagħmel vantaġġ politku tiegħu u jien ma se nħalli lil ħadd vantaġġ politku għall-ispejjeż tiegħek.”