It-tiratur żagħżugħ Gianluca Chetcuti kiteb paġna ġdida fl-istorja ta-isport tal-isparar meta irnexxielu jasal sal-fażi finali tal-kompetizzjoni Trap waqt il-European Games li qed isiru fil-Polonja.
Chetcuti irnexxielu jolqot 124/125 plattina, li huwa record nazzjonali waqt kompetizzjoni barra l-pajjiż.
Dan ir-riżultat wasal wara riżultat ieħor tajjeb li kien kiseb ħmistax ilu waqt l-ISSF World Cup f’Doha, l-Qatar. F’dik l-okkażjoni kien laqat 122/125 plattina.
Fil-kompetizzjoni tal-European Games, Chetcuti spiċċa l-fażi ta’ kwalifikazzjoni fl-ewwel post flimkien mat-tiratur mit-Turkija Nedim Tolga Tuncer.
Fil-finali Gianluca beda bi 19/25 plattina mis-single shot iżda wara safa’ eliminat biex spiċċa fil-ħames post.
Sadattant f’kompetizzjonijiet oħra, Mikaela Galea laqtet 110/125 plattina fit-Trap tan-Nisa.
Fl-iSkeet Irġiel, Marlon Attard u Clive Farrugia kellhom skor ta’ 119/125.
Fl-iSkeet Teams Irġiel Marcello Attard, Marlon Attard u Clive Farrugia kienu plattina waħda ‘l bogħod minn post fil-finali. Huma temmew il-kompetizzjoni bi skor ta’ 212/225.