L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja li tfakkar l-Għoxrin Sena ta’ Eko Skola fil-Parlament ta’ Malta, mill-2004 sa 2024, programm edukattiv dwar l-ambjent imtella’ minn Nature Trust – Malta, b’kollaborazzjoni mal-iskejjel pubbliċi, tal-knisja u privati.
Fid-diskors tiegħu l-Ispeaker fakkar kif mill-2004 sal-lum, is-sessjoni finali ta’ Eko Skola bdiet issir fil-Parlament ta’ Malta bil-parteċipazzjoni tal-Membri Parlamentari fejn għalkemm l-Eko Skola baqa’ programm edukattiv dwar l-ambjent, tul dawn l-għoxrin sena, dan sar programm fejn it-tfal jieħdu sehem f’djalogu ma’ Membri Parlamentari, ntiż, biex dejjem titjieb l-qagħda tal-ambjent f’pajjiżna.
L-Ispeaker elenka diversi xewqat tat-tfal li tressqu matul is-snin waqt l-edizzjoni tal-Eko Skola fost dawn li jgħixu f’ambjent urban nadif, f’postijiet miftuħa, f’ġonna miżmuma tajjeb, b’arja pura u nadifa, f’postijiet imżejna b’għadd ta’ pjanti u siġar endemiċi, spazji miftuħa u bandli miżmuma sew fejn huma jistgħu jilgħabu flimkien, jieħdu gost fil-kumpanija tal-ġenituri u ħbieb tagħhom mingħajr periklu. Hu kompla billi qal li t-tfal huma konxji minn għadd ta’ problemi ambjentali fost dawn it-tniġġis mit-traffiku esaġerat f’pajjiżna. Fakkar ukoll dwar kritika li kienet tqajmet lejn in-nuqqas ta’ kontrolli fl-ippjanar tal-bliet u rħula f’pajjiżna, fejn djar li kienu jsebbħu l-ambjent urban inbiddlu f’appartamenti bi kmamar żgħar u mudlama, u appell ieħor lill-awtoritajiet biex jinfurzaw il-liġijiet dwar il-bjar tal-ilma fi djar residenzjali u anke dwar pjanijiet biex jinġabar l-ilma tax-xita minn strutturi kbar, fejn saħansitra saħqu mal-awtoritajiet dwar l-importanza li jittieħdu l-miżuri neċessarji intiżi biex jipproteġu l-ilma tal-pjan f’pajjiżna u anke l-ibħra madwar il-gżejjer Maltin.
Il-pubbliku hu mistieden li jżur din il-wirja li qed tittella’ minn Nature Trust – Malta fil-Parlament ta’ Malta sat-Tlieta, 30 ta’ April 2024