Sitta u għoxrin ta’ Diċembru tal-2004. Fl-Indoneżja kien sar terremot ta’ qawwa 9.1 fuq skala Richter u minħabba fih inħoloq tsunami kbir li laqat ukoll ħafna pajjiżi tal-Asja.
Dan wassal biex 200,000 persuna tilfu ħajjithom.
Għoxrin sena ilu, l-eks ġurnalista ta’ ONE News, il-Ministru Julia Farrugia kienet hemmhekk sabiex tirrapporta f’isem l-istazzjon ONE.
Qalet kif ONE News kienet l-unika kamra tal-aħbarijiet u rrakkontat l-esperjenza li sabet fl-Asja wara dan it-terremot.
“L-ikbar impatt jibqa’ kif inti tirfes l-art ta’ pajjiż li ma tafx u fid-dlam ċappa tibda ixxomm ir-riħa qawwija ta’ katavri ta’ nies mejta, dak huwa l-ewwel shower kiesaħ li tieħu. Imbagħad meta tiskopri l-iskejjel sħaħ litteralment m’għadomx jeżistu. Tara l-imwejjed tat-tfal, il-basktijiet tat-tfal, iż-żraben tat-tfal u tibda tirrealizza li t-tfal ħarġu għall-iskola u qatt ma reġgħu marru d-dar għaliex mietu.”
JULIA FARRUGIA