Minn tal-inqas 20 persuna li kollha għandhom bejn it-18 u 20 sena, nstabu mejta fi stabbiliment tad-divertiment fil-belt ta’ East London fl-Afrika t’Isfel.
Il-katavri nstabu f’Enyobeni Tavern kmieni l-Ħadd filgħodu u qed jiġi rrapportat li ndarbu diversi persuni oħra.
Kelliem għall-pulizija qal li ċ-ċirkostanzi li jirrigwardaw dan l-inċident qegħdin jiġu investigati u l-Brigadier sostna li f’dan l-istadju m’għandux ikun hemm spekulazzjoni.
Min-naħa l-oħra, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li allegatament kien hemm folla kbira li bdew jimbottaw f’daqqa.
Fuq il-post issejħu numru kbir ta’ ħaddiema tal-emerġenza u sigurtà.
Huwa mifhum li l-qraba tal-vittmi s’issa ma kellhomx l-opportunità jaraw il-katavri ta’ qrabathom filwaqt li r-residenti għamlu appell sabiex l-istabbiliment jingħalaq.