Raġel ta’ 24 sena mill-Gambja ġie arrestat mill-Pulizija, ftit mumenti wara li allegatament wettaq serqa fuq mara.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija ġewwa Tal-Pietà, meta Kolumbjana ta’ 27 sena, kienet miexja fi Triq Telgħet Gwardamanġa.
Hemmhekk raġel avviċinanaha minn wara, ħareġ sikkina, poġġieha m’għonqha u talabha l-flus, bl-allegat ħalliel irnexxielu jisirqilha l-mobile u ħarab minn fuq il-post.
Immedjatament, il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri bdew tfittxija għall-ħalliel.
Madwar 20 minuta wara, il-pulizija nnutat raġel jaġixxi b’mod suspettuż fi Triq l-Isptar, fejn hemmhekk ġie arrestat u minn tfittxija li saret fuqu nstab il-mobile misruq.
Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjuna għall-aktar investigazzjonijiet.