Transport Malta se terġa’ tiftaħ l-iskema ta’ għotjiet għax-xiri ta’ vetturi li jirrispettaw l-ambjent. Se testendi wkoll l-iskema fuq ix-xiri ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku għall-kunsilli lokali.
F’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Transport Malta qed testendi l-iskema biex tinċentiva x-xiri ta’ karozzi u quadricycles. Wara s-suċċess li kellha l-iskema mħabbra f’Jannar li għadda ġew allokati €100,000 oħra.
Għotja ta’ €4,000 se tingħata lil dawk li jirreġistraw biex jixtru karozza elettrika ġdida jew użata. L-għotja titla’ għal €7,000 f’każi fejn dawk li jirreġistraw għal karozza elettrika ġdida, ineħħu karozza oħra li għandha mill-inqas għaxar snin mis-sena meta ġiet manifatturata. Barra minn hekk tingħata għotja ta’ €2,000 lil dawk li jixtru quadricycle elettrika ġdida jew użata.
L-iskema miftuħa wkoll għal vetturin ġodda jew second hand li ma qabżux it-12,000 km u li m’għandhomx aktar minn 24 xahar.
It-tir hu li jonqsu karozzi antiki mit-toroq, li l-enerġija wżata tkun nadifa, titjieb il-kwalità tal-arja u jonqos it-traffiku mit-toroq.
Il-Gvern nieda skema biex jinċentiva l-installazzjoni ta’ stazzjonijiet fejn wieħed jista’ jiċċarġja vetturi tal-elettriku.
Skema oħra li l-Gvern nieda f’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta hija mmirata li tiffinanzja garaxxijiet li fihom wieħed jista’ jieħu l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku għal service. Kull importatur tal-karozzi elettriċi huwa intitolat għal massimu ta’ €25,000, liema fondi jistgħu jintużaw ukoll għat-taħriġ tal-ħaddiema.