B’investiment ta’ aktar minn €5,000 il-Hospice Malta ngħataw għaxar laptops sabiex jintużaw mill-professjonisti.
Iċ-Chairperson ta’ Hospice, Bernardette Bonnici Kind spjegat kif dawn il-laptops ser ikunu qed jintużaw primarjament mill-professjonisti li jżuru l-pazjenti fil-komunità u dawk li jaħdmu fit-taqsimijiet għat-terapija ta’ matul il-jum: “Bihom huma jagħmlu l-aġġornament wara kull visit, b’dak il-mod li t-tim kollu jista’ immedjatament ikun jaf l-aħħar update fuq il-pazjent in real time, li hija valida u importanti ħafna biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod effiċjenti u kulħadd ikun konxju.”
Dawn ġew ippreżentati mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon hekk kif stqarr li l-għan huwa li l-Hospice tkun aktar professjonali: “L-okkażjoni tal-lum turi illi qed ngħinu mhux biss bil-finanzi imma biex niffaċilitaw ix-xogħol tal-għaqdiet volontarji bħal ma huma l-Hospice.”
Huwa spjega kif il-Gvern diġà għandu ftehim sabiex il-Minister jħallas għal 7,500 siegħa għal servizzi psikosoċjali għall-familji.
Il-Gvern qed iħallas ukoll għal 10,000 siegħa fis-sena għal servizzi ta’ appoġġ ta’ assistenza u kura professjonali.
Il-Ministru Falzon stqarr kif il-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin għaqdiet bħal dawn li tant jaħdmu b’dedikazzjoni sabiex jgħinu persuni fl-iktar mumenti diffiċli li jkunu għaddejjin minnhom.