Fil-bidu ta’ ġimgħa ġdida daħlet fis-seħħ miżura li se tagħti sa massimu ta’ elf ewro lil dawk il-persuni li jadottaw minn Malta stess.
B’hekk il-Ministeru għall-Familja, il-Ġustizzja Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal irnexxielu jwettaq disgħin fil-mija tal-wegħdiet imħabbra matul il-budget għal din is-sena.
Dan it-tragward importanti ntlaħaq fl-istess ħin li l-istess Ministeru rnexxielu jwettaq aktar minn disgħin fil-mija tal-miżuri tal-manifest elettorali.
Dan kollu tħabbar mill-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Għargħur bit-tema Gvern għan-Nies, fejn stqarr li din il-miżura ta’ adozzjoni lokali trid tiġi kkunsidrata id f’id mad-diversi emendi fil-liġi li rnexxielhom jiffaċilitaw l-adozzjoni lokali.
Fil-fatt huwa maħsub li fix-xhur li ġejjin potenzjalment jiġu adottati disgħin tifel u tifla. Il-Ministru temm l-intervent tiegħu jgħid li dan it-tibdil legali mhux ser jieqaf għal kollox bil-għan li dawk it-tfal li jkunu jistgħu jiġu adottati jkunu jistgħu jagħmlu dan faċilment.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Illum qed indaħħlu fis-seħħ grant għal dawk li jadottaw lokalment b’massimu ta’ elf ewro biex ngħinu fl-ispejjeż. Konvint li mhumiex il-flus il-motiv sew għal min jiffosterja, sew għal min jadotta imma aħna qegħdin hemm ukoll biex nagħtu daqqa t’id biex inkunu man-nies, Gvern tan-nies fil-mumenti kollha, fejn hemm bżonn l-għajnuna tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti spjega li din l-għotja ta’ elf ewro ser itaffi d-daqqa tal-ispejjeż legali għal dawk il-persuni li jadottaw lokalment.
Is-Sur Grixtri qal, “L-ispejjeż tal-Qorti jiġifieri tar-reġistru, dawk l-ispejjeż legali li jridu jsiru, il-kuntratt u hekk, fl-aħħar mill-aħħar, jispiċċaw ikunu ħarġu l-flus mill-but u jirrikavawhom, joħduhom lura permezz ta’ din l-għotja.”
Hu tkellem ukoll fuq l-għotja ta’ għajnuna li tingħata lil dawk li jsiefru barra minn xtutna biex jadottaw.
Qal li tul dawn l-aħħar erba’ snin erbgħa u tmenin koppja u seba’ persuni waħidhom, bejniethom adottaw mija u ħmistax tifel u tifla u dawn kollettivament ingħataw ftit inqas minn miljun ewro f’għotja t’għajnuna.