“Irridu ntejbu l-ħajja ta’ kulħadd f’dan il-pajjiż.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika oħra sabiħa tal-Partit Laburista, din id-darba fil-Ħamrun.
Hawnhekk huwa semma s-suċċess li kiseb pajjiżna fejn tidħol l-ekonomija, anke għall-fatt li f’pandemija r-rota ekonomika baqgħet iddur.
Quddiem folla sabiħa, il-Prim Ministru ta kelma li jekk jingħata fiduċja Gvern Laburista ġdid se jaħdem aktar biex il-ġid tal-pajjiż jinfirex f’aktar żoni bi strateġija ċara kristall.
Il-Prim Ministru tenna, “Għal dan il-għan jekk tagħtuna l-fiduċja tagħkom se nniedu Pjan Nazzjonali għar-Riġenerazzjoni Soċjo-Ekonomika. Pjan li jistimula attività ekonomika u jtejjeb il-livell t’għajxien tan-nies, f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Bi studju nagħżlu l-lokalitajiet fejn jeħtieġ dan l-intervent, biex imbagħad jingħataw imbuttatura. Għal dan il-għan se ngħinuhom b’għadd kbir ta’ inċentivi. Se nagħtu għotja ta’ €15,000 lil start-ups li jiftħu f’dawn il-postijiet. B’żieda mal-għajnuniet oħra li diġa’ ħabbarna għall-istart ups.”
Robert Abela semma bosta proposti mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li kollha għandhom l-għan li jkunu ta’ sostenn għan-neogozji, familji, żgħażagħ, ħaddiema u anke pensjonanti.
Fil-Ħamrun, il-Prim Ministru semma l-proposta kruċjali, li anke tifforma parti mill-pjan ta’ seba’ mitt miljun ewro fi proġetti ta’ spazji miftuħa li fejn fabbrika tal-ħalib se ssir spazju aħdar u miftuħ għall-familji kollha fl-urban.
Hawnhekk Dr Abela saħaq kif daqskemm il-Partit Laburista jrid lokalitajiet sbieħ, irid ukoll lokalitajiet siguri.
Il-Mexxej Laburista stqarr, “Għax jien u t-tim tiegħi meta tiġu għandna tkellmuna dwar it-tħassib tagħkom mhux se nipprovaw niġġudikaw. Dak li tħossu intom, intom tafuh u aħna qegħdin hawn biex nisimugħ u nindirizzawh. Għal li ġej l-esperjenza pożittiva tal-pulizija fil-komunità rridu nifirxuha mal-pajjiż kollu. U din hi wiegħda elettorali li qegħdin nagħmlu.”
F’messaġġ ta’ mexxej b’viżjoni, il-Prim Ministru qal kif kien Gvern Laburista li emmen fil-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna u għalhekk żiedhom fil-pagi u tejbilhom il-kundizzjonijiet tagħhom.
Fi tmiem diskors b’saħħtu, Robert Abela wassal appell biex fis-26 ta’ Marzu kulħadd joħroġ jivvota.
Hawn tenna, “Li tibqa’ d-dar jew li ma tiġborx il-vot mhux talli ma jibdel xejn. Talli huwa vot għall-passat. Għalhekk l-appell tiegħi. Kemm għamilna u ksibna sa issa. Jekk nibqgħu flimkien m’hemm ebda sfida li ma nistgħux ngħelbu. Flimkien m’hemm ebda problema li ma nistgħux insolvu. L-affarijiet nirranġawhom jekk nidjalogaw. Jien lest nisma. U bħali sħabi kollha. Tafu li aħna nibnu fuq il-ħafna tajjeb li għamilna u ntejbu fejn stajna għamilna aħjar. Kont it-tarka tagħkom fil-pandemija. Se nibqa nkun it-tarka tagħkom.”