Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma organizza għall-ewwel darba inizjattiva ta’ għoti tad-demm mill-impjegati tad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu.
L-inizjattiva kienet miftuħa l-ġimgħa kollha fejn numru sabiħ ta’ impjegati marru jagħtu d-demm fiċ-Ċentru għat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa, filwaqt li matul l-aħħar ġurnata ġew offruti l-faċilitajiet tal-Ministeru stess biex ikunu jistgħu jagħtu d-demm aktar ħaddiema mill-Ministeru u minn dipartimenti oħrajn.
F’kumment dwar din is-sejħa għall-għoti ta’ demm li għaliha wieġbu numru kbir ta’ ħaddiema, il-Ministru Joe Mizzi rringrazzja kemm lil kull min ta sehmu f’din l-attività nobbli, lill-istaff tal-isptar li mill-ewwel laqgħu l-idea kif ukoll lil min ta d-demm u anke lil dawk li xtaqu jagħtu iżda għal xi raġuni ma setgħux.
Il-Ministru esprima t-tama tiegħu li ministeri oħrajn u anke dipartimenti jitħajru jorganizzaw huma wkoll attivitajiet simili u temm jgħid li għotja tad-demm tagħti tama għal fejqan u għal ħajja mill-ġdid lil min jirċeviha.