Il-Prim Ministru ħabbar li Gvern Laburista ġdid, jekk jingħata l-fiduċja se jibqa’ jippremja l-investiment.
Dan permezz ta’ għotja finanzjarja lil dawk li jkabbru l-operat tagħhom.
Fil-fatt se tingħata għotja li tammonta għal 30% tal-investiment li jsir fuq kapital fiss u din tiżdied b’10% għan-negozji Għawdxin.
Dr Abela ħabbar miżura li se tassigura dritt ta’ kont bankarju bażiku lin-negozji u self-employed.
“Se nkunu qed nilleġislaw sabiex kull negozju u self-employed ikollu dritt għal kont tal-bank bażiku u mingħajr dewmien. Din se tkun estensjoni tad-dritt għall-individwi li jkollhom kont bankarju bażiku u b’konformità mar-regoli ewropej ta’ superviżjoni finanzjarja.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll l-introduzzjoni ta’ credit review office li bħalu hemm f’diversi pajjiżi Ewropej biex tiffaċilità self għan-negozji u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-banek.
Wara diskussjoni ma’ diversi operaturi, Dr Abela tenna li nħass il-bżonn li jiġu ċċentralizzati il-proċessi kollha ta’ due diligence għan-negozji biex tiġi eliminata l-burokrazija.
Din il-miżura mhux talli se tiffranka l-flus u l-ħin lin-negozji imma se tgħin iżżid l-effettività tan-negozji.
“Għas snin li ġejjin dan il-Gvern jibqa’ garanzija għal ekonomija b’saħħitha”, saħaq il-Prim Ministru fil-konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Flimkien, it-Tnejn filgħodu hekk kif tenna li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija l-bażi biex jibqgħu jiġu implimentati l-miżuri favur il-familji Maltin u Għawdxin.
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tenna li għaż-żmien li ġej il-prospetti jibqgħu kbar u b’hekk grazzi għal pjan ambizzjuż ta’ dan il-Gvern u l-kredibbiltà li jħaddan, in-negozji ma’ dan il-Gvern jafu fejn qegħdin.
Għalhekk il-Prim Ministru ppreżenta dawn il-proposti għal-leġislatura li jmiss fi żmien fejn intlaħqu l-livelli ekonomiċi għal qabel il-pandemija.