Tnieda kors ta’ taħriġ mingħajr ħlas għall-persuni li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni sabiex iżidu l-litteriżmu diġitali fl-industrija tal-bini u l-kostuzzjoni. Il-kors mifrux fuq 30 siegħa se jkun qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini u l-kumpanija TCTC.
Iċ-Chairman tal-Kunsill, il-Perit Charles Buhagiar spjega l-għan ta’ dan il-kors.
Buhagiar spjega: “Propju l-idea ġiet li aħna noħolqu dan il-kors tal-Econstruct sabiex dawn in-nies nagħtuhom it-taħriġ fl-ICT, illum huwa settur importanti ħafna jekk trid tkompli timxi ‘l quddiem.”
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tat-TCTC tkellem ma’ dan l-istazzjon dwar kif se jkun imqassam il-kors.
Abela stqarr: “Hemm diversi workshops ta’ opportunitajiet u sostenn. Li wara kollox, nitkellmu fuq servizzi Governattivi li qegħdin online li huma mmirati għal kostruzzjoni. Jew opportunità ta’ tagħlim u grant, cash grants, li jagħti l-Gvern għal aktar tagħlim over and above mill-Econstruct u li tistgħu takkwistaw. Jiġifieri hemm firxa wiesa’ ta’ informazzjoni u tagħlim f’dan il-kors.”
Il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura Ian Borg iddeskriva dan il-kors bħala inizjattiva importanti li tmur lil hinn mill-prattiċi fuq is-sit tal-kostruzzjoni u qal li bħalissa qed tinħadem skema li tippremja lil dawk li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni b’mod sostenibbli u li jirrispettaw il-madwar.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar, Chris Agius qal li għandu jiġi assigurat is-serħan tal-moħħ taċ-ċittadini li jiġu affetwati mill-iżvilupp tal-kostruzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Agius qal: “Għandna responsabbiltajiet definiti u fiż-żmien li ġej ser ikollna aktar responsabbiltajiet definiti aktar għal kull qasam fis-settur u naħseb li dan huwa l-pass ‘il quddiem sabiex fiż-żmien li ġej jkollna awtorità li tkun tista’ tirregola l-qasam tal-kostruzzjoni.”
L-applikazzjonijiet huma miftuħa sal-aħħar tas-sena fuq is-sit econstruct.com u l-kors mistenni jibda kmieni s-sena d-dieħla.