Il-Parlament illejla beda jiddiskuti fit-tieni qari abbozz ta’ liġi li għandu l-għan li l-gvern ikun jista’ jagħti ċ-ċittadinanza Maltija lil persuni barranin li jkunu taw servizz eċċezzjonali lir-Repubblika ta’ Malta jew lill-umanità jew li n-naturalizzazzjoni tagħhom hi ta’ interess eċċezzjonali għar-Repubblika ta’ Malta.
L-abbozz ressqitu s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli li qalet klu dan l-abbozz għandu appoġġ wiesgħa ta’ diversi oqsma tas-soċjetà.
Hija rringrazzjat lill-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius li ħadmu fuq dan l-abbozz b’mod dedikat, li tkellmu mal-partijiet interessati kollha u ħadmu mal-esperti fis-settur biex ressqu t-tibdil kollu maħtieġ bl-aħjar mod possibbli.
L-abbozz kien publikat għal konsultazzjoni u dawk kollha interessati kellhom l-opportunità li jsemmu leħenhom. “Din hija xhieda ċara ta’ kif dan il-gvern iwassal il-politika tiegħu, billi jfassalha, jisma’, jwieżen u jwerttaqha mingħajr tkaxkir tas-saqajn.”
L-abbozz jirreferi għal erba’ oqsma partikolari: ix-xjenza, ir-riċerka, l-isports, u l-arti u l-kultura.
Fil-bidu tad-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli fakkret kif ma kinitix se titla’ tieħu l-ġurament tal-ħatra għax ma ħallewhiex tieħu magħha l-Palazz lit-tifla ta’ erba’ snin li ma kedllhiex ma’ min tħalliha. Hija rringrazzjat lill-iSpeaker Anġlu Farrugia li tkellem magħha u ma’ kollegi oħra u talabha lista ta min kien interessat li jagħmel użu minn servizz ta’ kura għat-tfa; fil-parlament.