Estaban Santiago, is-suldat Amerikan li s-sena li għaddiet qatel ħames persuni meta spara tiri f’ajruport fi Florida ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs.
Ir-raġel, li għandu tmienja u għoxrin sena u serva fil-gwerra tal-Iraq wieġeb ħati tal-attakk f’Mejju li għadda.
Fil-fatt, fil-Qorti intqal kif huspara tiri viċin il-conveyor belt tal-bagalji fl-Ajruport ta’ Fort Lauderdale-Hollywood f’Jannar tal-elfejn u sbatax.
Hu beda l-attakk tiegħu wara li ħa l-bagalja tiegħu minn fuq il-conveyor belt u minnha ħareġ pistola, biex bl-isparaturi tiegħu qatel ħames persuni u darab sitta oħra. Wara li spiċċawlu l-balal, hu niżżel il-pistola mal-art u ta ruħu lill-Pulizija.
Rapporti f’midja internazzjonali qalu kif Santiago rnexxielu jiskappa mill-piena tal-mewt wara ftehim mal-prosekuturi tal-każ, biex minflok ingħata ħames sentenzi konsekuttivi ta’ għomor il-ħabs, segwiti minn mija u għoxrin sena ħabs mingħajr id-dritt tal-appell.
Skont psikologa, Santiago huwa skitsofreniku, madanakollu l-Imħallef iddeċidiet li kien mentalment stabbli sabiex jgħaddi ġuri.