Filippo Turetta, żagħżugħ ta’ 22 sena ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li ammetta li qatel lil ex tfajla tiegħu fl-Italja.
Fil-qorti, l-Imħallef ma sabux ħati ta’ ċirkustanzi aggravati bi krudeltà u ta’ insegwiment illeċitu iżda xorta tah l-eħrex sentenza li tippermetti l-liġi.
Din is-sentenza waslet wara li ftit aktar minn sena ilu, f’Novembru tas-sena l-oħra, il-ġisem bla ħajja ta’ Giulia Cecchettin kien instab f’foss imgeżwer f’boroż tal-plastik u b’aktar minn 70 daqqa ta’ oġġett jaqta’ u bil-ponta, dan wara li ġimgħa qabel kienet irrapportata nieqsa wara li marret f’kumpless kummerċjali ma’ l-istess Turetta. Hekk kif kienet saret tfittxija intensiva, ftit wara l-għibien tagħha ħareġ filmat fejn Turetta deher isawwat lil Cecchettin. Hekk kif Turetta ġie meqjus bħala s-suspettat ewlieni, ġimgħa wara kien arrestat fil-Ġermanja.
Dan il-qtil brutali ta’ din it-tfajla ta’ 22 sena ħakem lill-Italja kollha u qanqal it-talbiet sabiex tintemm il-vjolenza fuq in-nisa. Filfatt missierha qal li filwaqt li saret ġustizzja però mhiex konsolazzjoni għat-telf ta’ bintu u emfasizza li għandu jsir ħafna aktar xogħol biex tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Madwar 10,000 ruħ kienu attendew il-funeral ta’ Giulia f’Diċembru tas-sena l-oħra. Skont statistika tal-Ministeru tal-Intern Taljan, fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena, fl-Italja nqatlu 96 mara b’51 minnhom mis-sieħeb jew l-ex sieħeb tagħhom.