L-eks-kmandant Serb-Bosnijan Ratko Mladic ġie mogħti sentenza ta’ ħabs għal għomru għall-ġenoċidju u atroċitajiet kbar oħrajn li għamel matul il-gwerra tal-Bosnja fid-disgħinijiet.
Magħruf bħala “Il-Biċċier tal-Bosnja”, Mladic mexxa l-forzi waqt il-massakru tal-Musulmani tal-Bosnja f’Srebrenica u l-assedju ta’ Sarajevo.
It-tribunal tal-Ġnus Magħquda f’The Hague kkundannatu għal 10 mill-11-il akkuża li ġew mressqa fil-konfront tiegħu.
Mladic, li llum jgħodd l-74 sena, ma kienx fil-qorti meta nqrat is-sentenza.
Huwa kien tneħħa mis-sala tal-Qorti minħabba li beda jgħajjat mal-imħallfin li dak kollu li bdew jgħidu huma kien gidba.
Dan l-għajjat ġie wara li l-imħallfa rrifjutaw it-talba mid-difiża ta’ Mladic biex jieqfu l-proċeduri minħabba l-pressjoni tad-demm għolja ta’ Mladic.
Mladic ċaħad l-akkużi kollha u l-avukat tiegħu qal li huwa mistenni jappella.