Fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, saret kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u Awtoritajiet tar-Renju Unit fil-qasam tal-intelligence analitika mill-pulizija. Software analitiku ġie ipprovdut lill-Pulizija flimkien ma’ taħriġ professjonali mogħti minn esperti Ingliżi fuq open source intelligence, link charting u l-bini ta’ databases.
F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, il-Kummissarju Għoli Ingliż Rob Luke u l-Aġent Kummissarju Laurence Cutajar, ippreżentaw ċertifikati lil 12-il Pulizija analist minn seba’ skwadri differenti li jinkludu Reati Ekonomiċi, l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, DIK, Terroriżmu u Immigrazzjoni. Dan wara li temmew b’suċċess taħriġ intensiv ta’ erba’ ġimgħat.
Fid-diskors tiegħu, l-Ministru Abela wera gratitudni għall-appoġġ mogħti mill-awtoritajiet Ingliżi. Hu rrimarka li l-għan tal-Gvern huwa biex innaqqas il-kriminalità permezz ta’ struttura li twassal għal intelligence-led policing.
F’dan ir-rigward, huwa semma’ l-benefiċċji pprovduti minn din l-għodda ġdida analitika li permezz tal-kapaċitajiet analitiċi viżwali se tgħin l-analisti biex jikxu konnessjonijiet sigrieti u xejriet kriminali. Għodda li se jassistu lill-Pulizija biex iżidu l-prattiċi tagħhom fil-previżjoni, prevenzjoni u tfixkil ta’ attivitajiet kriminali.
“Bi kriminalità bbażata fuq it-teknoloġija li tmur lill’hinn mill-karatteristiċi ta’ kriminalità tradizzjonali, il-qsim ta’ għarfien u kommunikazzjoni miftuħa bejn dipartimenti differenti hija ċ-ċavetta li tpoġġi lil-Pulizija f’pożizzjoni vantaġġjuża fuq il-kriminali”, qal il-Ministru Abela
Huwa kkonkluda billi qal li wara l-fażi ta’ taħriġ u l-ittestjar tas-sistema, fil-ġimgħat li ġejjin se jitkompla x-xiri ta’ apparat meħtieġ biex is-sistema fil-qrib żmien tkun tiffunzjona b’mod komplet.
Il-Kummissarju Għoli Ingliż, Rob Luke, qal li din il-kollaborazzjoni mal-Awtoritajiet Maltin hija parti mill-ħidma tar-Renju Unit biex tiġġieled il-kriminalità organizzata fl-immigrazzjoni u formi oħrajn ta’ kriminalità serja transnazzjonali. Huwa feraħ lill-parteċipanti għall-isforzi tagħhom u awguralhom suċċess fl-ippratikar ta’ dawn il-ħiliet biex tiġi indirizzata l-kriminalità perikoluża u t-titjib tal-ħajjiet.