L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għadha kemm nediet strateġija ta’ politika dwar l-abbużi minn sustanzi, kemm legali kif ukoll illegali, jew vizzji bħal-logħob tal-ażżard u l-problemi li jistgħu jaffettwaw ħaddiema fl-istess kunsilli lokali jew dawk reġjonali.
Din l-istrateġija ta’ politika dwar kif jistgħu jiġu indirizzati tali abbużi minn sustanzi jew vizzji se tkun qed tintuża bħala għodda importanti fit-twettiq tax-xogħol siewi li jsir fi ħdan il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
Dwar din l-inizjattiva tkellimna mal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, li spjega l-għan warajha.
“Permezz t’hekk, l-Assoċjazzjoni qed toffri dan is-servizz lill-ħaddiema tal-kunsilli lokali u l-membri eletti biex dawn jifhmu li min għaddej minn dawn it-tip ta’ problemi ma fiha xejn ħażin li wieħed jersaq ’il quddiem u jfittex l-għajnuna. U, bħala assoċjazzjoni, qegħdin naraw li noffru din l-għajnuna. Qegħdin nifhmu x’inhuma l-fatturi li jwasslu biex persuna taqa’ f’dan il-vizzju u allura b’sistema preventiva tilqa’ biex jista’ jkun dawk kollha li joperaw fil-qasam tal-Gvern Lokali ma jaslux f’dak il-pass li jaqgħu f’ċerti vizzji jew abbuż li jista’ eventwalment itellef ix-xogħol tagħhom.”
Waqt li l-użu ta’ sustanzi u logħob tal-ażżard, speċjalment meta mhux taħt kontroll, jikkawżaw riskji ta’ saħħa li jaffettwaw diversi oqsma oħrajn, bħall-post tax-xogħol tal-individwu, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fasslet proċeduri kif dawn jistgħu jiġu evitati.
Politika simili, li ma kinitx teżisti sal-lum, toffri miżuri ta’ għajnuna lil dawk il-ħaddiema li potenzjalment ikunu għaddejjin minn problemi simili, kemm bħala abbuż kif ukoll bħala vizzju.
Dan se jwassal biex il-“vittma” jkollha min jifhimha fuq il-post tax-xogħol u kif dawk responsabbli jkunu jafu kif l-aħjar jaġixxu f’ċirkostanzi simili.
“L-appell tiegħi lil kull min iħaddem li meta inti għandek aġenzija jew entità jew anke kumpanija privata li għandha inplace policy bħal din, hi ta’ benefiċċju anke għalih, għax inti jekk għandek persuna, li għaddejja minn dawn il-problemi jew turbolenzi għal perjodu ta’ żmien, ikun tajjeb li ssib refuġju fil-post fejn tkun qed taħdem.”
Din il-policy mhix qed tħares jew tagħti soluzzjonijiet mgħaġġla li ma jwasslu mkien, iżda qed tħares lejn soluzzjonijiet fit-tul li jidħlu fil-fond biex verament il-persuna tinħeles mill-piż li tkun qed iġġorr.
“Nafu kemm hu diffiċli biex issib nies ġodda u tibdel in-nies tiegħek u allura l-benefiċċju mhux biss għax inti qed tgħin lin-nies tiegħek u lil dawk kollha li forsi, b’xi mod jew ieħor, imissu magħhom, imma wkoll għandek benefiċċji inti jekk inti tapplika din il-policy b’mod tajjeb”.
Meta dan ġie stabbilit, saret konsultazzjoni sħiħa mas-sindki, kunsillieri, ħaddiema tal-kunsilli lokali, segretarji eżekuttivi, unjin tal-ħaddiema u d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, biex ikun hemm sehem minn kulħadd u jiġi assigurat li kull eventwalità possibbilment tiġi indirizzata b’taħriġ meħtieġ u neċessarju ħalli kull kunsill kemm lokali jew reġjonali jkollu l-għodda meħtieġa li jiffaċċja u jittratta każi bħal dawn.