Fl-aħħar jiem, l-uffiċjali tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u dawk stazzjonati fl-Isptar Mater Dei, ġew imħarrġa biex fil-qadi ta’ dmirijiethom, ikunu jistgħu jużaw għodda ġdida msejħa BolaWrap.
Din se tiżdied mal-apparat ta’ sigurtà li diġà għandhom, biex tipproteġi, kemm lilhom u kemm lil individwi f’ċertu sitwazzjonijiet ta’ periklu.
Il-BolaWrap tirrestrinġi persuna milli tiċċaqlaq jew taħrab, billi b’teknoloġija sigura u innovattiva, tispara ħabel irqiq minn distanza ta’ bejn tlieta u tmien metri, lejn l-idejn jew is-saqajn tal-persuna.
L-iskop hu li malli jiġi sparat dan il-ħabel, il-Pulizija jirbħu l-ħin biex dak li jkun jinżamm fl-istess post, u ma jkollux ċans iweġġa’ lilu nnifsu jew lill-uffiċjali.
Il-Kuntistabbli Dion Fenech, mir-Rapid Intervention Unit, spjegalna aktar dwar kif jintuża dan l-apparat.
Qal, “Id-device jintuża billi jispara tip ta’ kevlar cord li għandu żewġ hooks miegħu. Dan xogħlu huwa li kif jiġi sparat, jinfetaħ u jdur mal-persuna, mal-individwu li jkollu, u jnaqqasslu l-mobilità tiegħu.”
L-għan ewlieni tal-BolaWrap huwa li tagħti kontroll immedjat lill-Pulizija mingħajr ma jweġġgħu ż-żewġ partijiet.
Fil-fatt, il-BolaWrap ġiet ippruvata fuqna mingħajr ebda ħsara, fejn stajna nosservaw il-funzjoni tagħha li l-ewwel tindika fejn se tiġi sparata b’laser aħdar, imbagħad torbot lil dak li jkun għal ftit sekondi sakemm jintervjeni l-uffiċjal.
Qal, “Jgħin lill-Pulizija għall-fatt li meta inti għandek persuni li għal ftit sekondi qed iżżommu immobbli, il-Pulizija għandha ċans tintervjeni, taħdem ħalli dal-persuna ma jkunx jista’ jweġġa’ lill-Pulizija jew anki lilu nnifsu.”
Il-Kuntistabbli tana żewġ eżempji ta’ sitwazzjonijiet fejn tista’ tintuża l-BolaWrap.
Qal, “Jista’ jkollok persuna li qed tipprova tagħmel self-harm eżempju, jew persuna miexja f’nofs ta’ triq qed tipprova taqsam bypass li hija triq traffikuża. Inti flok tħalliha miexja f’nofs ta’ triq, tisparah f’saqajha, il-persuna twaqqafha milli tkompli timxi sakemm il-Pulizija tmur u tarresta lill-individwu biex ma jweġġax lilu nnifsu.”
It-taħriġ lill-uffiċjali Maltin ingħata minn sittax-il instructor li ġew mill-Amerka.
Il-BolaWrap tintuża f’aktar minn seba’ mitt dipartiment tal-Pulizija fl-Istati Uniti, u f’sittin pajjiż madwar id-dinja.