L-ambulanzi kollha u parti sostanzjali mill-vetturi tal-Protezzjoni Ċivili ġew mgħammra b’lenti li ser tiffaċilità s-sewqan ta’ dawn il-vetturi kbar fit-toroq Maltin.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq hekk kif ġie spjegat li l-hekk imsejħa Fresnel Lens tagħmilha aktar faċli sabiex is-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi għolja jkunu aktar konxji ta’ dak li għaddej madwarhom.
Iċ-Chairman tal-Kunsill għas-Sigurtà fit-toroq, is-Sur Pierre P. Vella stqarr: “Int normalment il-mera tara l-ġenb tal-vettura. Dan qed joħroġlok barra dak il-comfort zone u li hemm tajjeb hija li meta inti ħa tħares ġo fiha tara dak li inti ma tistax tara meta inti għandek nies pereżempju nies neżlin il-bankini jew għandek rota li ġejja fuq in-naħa ta’ ġewwa allura mingħajr ma trid qed inħarsu l-element tas siġurtà.”
Is-Sur Vella spjega wkoll kif kumpaniji f’Malta li jagħmlu użu minn vetturi kbar jistgħu jitolbu lill-Kunsill sabiex jippruvaw dawn il-Fresnel lenses b’xejn, qabel jixtruhom.
Huwa sostna: “Jiġu in contact magħna through l-Facebook page Transport Malta jew inkella l-Malta Road Safety Council, juruna l-interess u aħna lesti li mmorru niltaqgħu magħhom nispejgawlhom u ntuhom xi samples biex jippruvawhom għax oġġett bħal dan mhux sempliċiment taraħ, trid tippruvah.”
Preżenti għall-konferenza, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri flimkien mal-Ministru għat-Trasport Ian Borg esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għal din l-għodda.
Il-Ministru Camilleri sostna li dawn l-aġġeġġi se jżidu l-effiċjenza speċjalment mal-membri tat-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili meta b’ħeffa liema bħala jkunu sejrin fuq post fejn issejħet l-għajnuna.
Huwa qal: “Il-vjaġġ tagħhom huwa importanti li jaslu fl-inqas ħin possibbli. Dan il-mekkaniżmu, din it-teknoloġija se tgħin biex anke waqt li jkunu qed isuqu l-vetturi kbar tagħhom fit-toroq tagħna jkunu aktar siguri u jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq it-triq sabiex ikunu jistgħu jaslu fejn għandhom bżonn jagħtu l-għajnuna tagħhom fi ftit minuti.”
Intant il-Ministru Ian Borg sostna l-importanza tal-ħidma kemm tal-membri tat-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili u infermiera fl-ambulanzi li jassistu f’ċirkostanzi ta’ emerġenza.
“Jien minn hawnhekk nirringrazzja mhux biss lil min ħadem fuq dan il-proġett biss imma anke lilhom lix-xufiera li jagħtu l-ewwel rispons u li jkunu hemmhekk jgħinu lill-poplu Malti u Għawdxi f’ċirkostanzi xejn pjaċevoli.”