Il-logħob diġitali li tant ġenituri jarawh bħala ħela ta’ ħin iżda li bosta tfal u żgħażagħ jiġġennu għalih, huwa sors ta’ intelliġenza artifiċjali.
Dan hekk kif il-mod ta’ kif il-gamer jilgħab il-logħba minnu nnifsu, juri aspetti ta’ dak li jimmotiva lill-gamers.
Proġett li qed jitmexxa mill-istitut tal-logħob diġitali fl-università ta’ Malta flimkien mal-kumpanija Franċiża tal-logħob diġitali Ubisoft, se jara l-analiżi ta’ data miġbura mill-imġieba ta’ gamers waqt li jkunu qed jilgħabu l-logħba ‘Tom Clancy- The Division’.
L-uffiċjal għas-sostenn tar-riċerka fil-proġett, li huwa wkoll student tad-dottorat, David Melhart, saħaq li l-iktar ħaġa impressjonanti kienet il-preċiżjoni fir-riżultati li wieħed jista’ jikseb minn data miġbura biss mill-imġieba ta’ dak li jkun qed jilgħab il-logħba.
Id-direttur tal-istitut tal-logħob diġitali, il-Professur Georgios Yannakakis, innota li huwa interessanti kif l-intelliġenza artifiċjali u l-logħob diġitali għandhom relazzjoni dinamika ħafna.
Huwa saħaq li pajjiżna bħalissa huwa ideali biex issir din it-tip ta’ riċerka fil-qasam tal-logħob diġitali.