Kollaborazzjoni bejn żewġ entitajiet governattivi ser twassal għal proġett ta’ għodda dwar il-ħarsien tar-Regolamenti Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.
Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzajt mill-aġenzija tas-Servizzi Ewropej f’Malta.
F’konferenza għall-aħbarijiet kien innotat kif dan il-proġett ser isir b’investiment li jlaħħaq l-mitejn u ħamsin elf ewro maqsum f’żewġ fażijiet.
L-ewwel fażi li nbdiet fl-2019 rat kampanja edukattiva fuq il-mezzi soċjali u fi spazji pubbliċi bil-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf dwar x’inhi l-protezzjoni tad-data u l-obbligi marbuta dwarha.
Issa, l-proġett implimentat mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ser jgħaddi għat-tieni fażi tiegħu, li ser tara għodda biex l-intrapriżi żgħar u medji jinfurmaw u jirregolarizzaw l-ħidma tagħhom.
Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, Ian Deguara rrimarka l-ħsieb wara dan il-proġett.
Ma’ dan l-istazzjon saħaq li l-proġett mistenni jgħin lil dawk l-intrapriżi żgħar u medji li ma jkollhomx il-mezzi biex jinkarigaw persuni jaħdmu fuq l-informazzjoni u d-data.
Deguara sostna: “Micro enterprises jew inkella start-ups u SMEs oħrajn ikunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-għodda sabiex jekk dawn ma jafu xejn fuq GDPR, għadhom jibdew jew m’għandhomx ir-riżorsi ikunu jistgħu jidħlu fuq dan is-sit tagħna ser ikollhom din l-għodda u jiddependi min-natura tal-qasam tagħhom din l-għodda ser tagħtihom pass wara l-ieħor x’għandhom jagħmlu.”
Intant, il-Kap tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea fi ħdan is-Servizzi Ewropej f’Malta, Darren Grasso nnota li l-ħidma tas-Servizzi Ewropej f’Malta tgħin lil kull min jissottometti l-applikazzjoni tiegħu f’kull stadju inkluż dak tal-implimentazzjoni. Dan sabiex ikun assigurat li l-fondi ewropej jintużaw bl-aħjar mod.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela saħaq li din il-kollaborazzjoni bejn entitajiet differenti tal-Gvern ser igawdi minnha l-poplu hekk kif ser ikun mgħarraf aħjar dwar il-protezzjoni tad-data.
Huwa stqarr: “Il-ħidma li saret bejn is-Servizzi Ewropej f’Malta kif ukoll il-Kummissarju tad-Data wieħed apparti li jara kollaborazzjoni bejn entitajiet tal-Gvern li jaħdmu flimkien, però finalment qed naraw li l-fondi tal-Unjoni Ewropea qed jaslu anki fis-soċjetà tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis iddeskirva din l-inizjattiva bħala waħda importanti hekk kif ser toffri gwida għall-intrapriżi biex jirrispettaw il-liġi b’mod aktar effiċjenti.