Ġew imnedija żewġ pjattaformi diġitali ġodda: waħda dwar l-ESG u l-oħra għall-Green Public Procurement.
Dawn tnedew mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, li huma maħsuba biex iħeġġu investimenti aktar sostenibbli – kemm fis-settur pubbliku u anke fil-privat.
Fil-konferenza, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif din il-pjattaforma taffaċilita l-impenn tal-kumpaniji, li jirrapportaw il-kredenzjali tagħhom ambjentali, soċjali u ta’ governanza, magħrufa aħjar bħala ESGs.

Qalet kif sal-lum il-ġurnata hemm 46 kumpanija li qed jirrapportaw il-kredenzjali tagħhom, b’mod volontarju.
“Permezz tat-tnedija ta’ żewġ pjattaformi online, qed nagħtu l-possibilità lill-kumpaniji – sew jekk huma kbar, sew jekk huma iżgħar, biex jirrappurtaw il-performance tagħhom fuq kriterji differenti – dawk ambjentali, dawk soċjali u dawk ta’ governanza, u qed naraw li niffaċilitaw dak it-tip ta’ rapurtaġġ għax aħna dejjem tlaqna mill-premessa li ma rridux nitfgħu piż fuq il-familji jew l-industrija, biex ikunu parti minn din il-mixja lejn ekonomija li ma tniġġisx.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Matul dawn l-aħħar snin, pajjiżna rreġistra progress kemm fir-rata ta’ konformità tal-GPP, li telgħet għal 87.5% is-sena l-oħra, kif ukoll fir-rappurtar tal-ESG.
Is-sit tal-GPP, minbarra li se toffri l-informazzjoni, se sservi wkoll bħala pjattaforma li permezz tagħha persuni interessati jistgħu jistaqsu mistoqsijiet relatati dwar il-konformità tal-GPP jew dwar taħriġ offrut.
Barra minn hekk it-taħriġ issa ser jiġi estiż għall-operaturi ekonomiċi biex dawn ikun aktar konformi mal-kriterji tal-GPP.
Id-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli fi ħdan l-istess Ministeru, Francine Pace Caruana qalet li dan id-djalogu u l-pjattaformi diġitali mnedija huma kruċjali sabiex niksbu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.
“Huma kruċjali sabiex Malta tilħaq l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli, magħrufa aħjar bħala Sustainable Development Goals. Dawn huma, miri soċjo-ekonomiċi u anke ambjentali, li Malta flimkien mal-pajjiżi l-oħrajn trid tilħaq sal-2030.”
Francine Pace Caruana, Direttur
Iż-żewġ siti jikkontribbwixxu għall-ekonomija aktar sostenibbli, parti mill-viżjoni ta’ pajjiżna għall-2050.
Il-pjattaformi diġitali huma aċċessibbli fuq: esgplatform.gov.mt u gpp.gov.mt.