AĠĠORNAT: Il-kelba Hannah li kienet ilha ġimgħa nieqsa nstabet mis-sidien tagħha biex illum tinsab lura fid-dar magħhom. Sid il-kelba ma kellha xejn iżjed ħlief kliem ta’ ringrazzjament għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex il-kelba tinstab. Hija qalet fuq facebook li ma tistax tesprimi l-kuntentizza tagħha.
X’ĠARA:
Ilha tlett ijiem mitlufa, u għal dawn it-tlett ijiem kienu infern għas-sidien tal-kelba Hannah. Hannah hi kelba tar-razza Beagle li t-Tlieta filgħaxija kienet flimkien mas-sidien tagħha fi triqithom biex jixtrulha ċinga ġdida u aktar komda għaliha.
Dan hekk kif Hannah, li għandha sena, kienet ilha biss 24 siegħa mas-sidien il-ġodda tagħha, u bħal kull sid ta’ kelb ġdid jaf li l-ewwel jiem huma dawk li waqthom tkun qed tarma bil-mod il-mod biex il-membru tal-familja l-ġdid ma jkun jonqsu xejn.
Iżda sfortunatament, hekk kif waslu quddiem il-ħanut tal-annimali, Hannah niżlet biċ-ċinga, għaddiet kowċ li għamlet ħoss qawwi fejn Hannah infixlet, ippanikjat u propju f’dak il-mument inqatgħet iċ-ċinga u telqet tiġri.
Ma tafx x’se taqbad tagħmel, Hannah bdiet tiġri u intilfet lejn in-naħat ta’ San Pawl tat-Tarġa u t-tela ta’ t’Ala u Ommu.
Hannah hi ċċipjata, u s-sidien tagħha diġà għamlu rapport mal-Pulizija fejn apparti dan huma xerrdu l-appell tagħhom fuq paġna popolari ma’ persuni li jħobbu l-annimali, bl-istess appell inxtered eluf ta’ drabi.
Persuni tkellmu mas-sidien fejn qalulhom li ntlemħet fil-limiti tan-Naxxar, tal-Gharghur u tal-Mosta.
Huma bosta, li minkejja ma jafux lis-sidien b’mod dirett, qed jgħinu fit-tfittxija għal Hannah u qed joffru l-appoġġ kollu tagħhom lis-sidien.
Is-sidien qed joffru rigal ta’ apprezzament għal min jirritorna lura lil Hannah fejn m’hux se jkunu qed jsitaqsu ebda mistoqsijiet ta’ kif sabu lill-kelba. Importanti li wieħed ixerred dan il-messaġġ sabiex tinstab kemm jista’ jkun malajr.