L-omm ta’ sitta u erbgħin sena li l-każ tagħha ħasad lill-pajjiż meta fil-bidu tal-ġimgħa nstabet mitlufa minn sensiha fil-blat fil-Kalkara wara tlett’ijiem nieqsa, ġiet salvata bi żbrixx minn ħalq il-mewt.
Dan huwa dak li l-professjonisti mediċi qalu lill-qraba tagħha l-Isptar, hekk kif skonthom kienet sigħat biss bogħod mill-mewt.
L-għada li Nathalie Williams ġiet f’sensiha u bil-mod il-mod bdiet tibni stampa ta’ dak li għaddiet minnu fl-aħħar jiem, tkellimna ma’ missierha Charlie Higgins.
“Kif daħluha l-Isptar bdiet tgħid li ħa tmut, ħa tmut imbagħad meta tawha d-drip u l-injections bdiet tistejqer bilmod u bdiet titkellem u bdiet tgħid minn xiex għaddiet.”
Il-missier spjega kif żewġha – li tressaq il-Qorti llum mixli b’attentat ta’ qtil, kien ilu jheddidha li jekk ma tkomplix bir-relazzjoni joqtol lilha u lil dawk li ma riedux li tkompli miegħu.
Kien għalhekk li Nathalie kienet ilha għal dawn l-aħħar tliet xhur tgħix ma’ missierha, u jumejn qabel ma ġiet irrappurtata nieqsa, allegatament mar ifittixha d-dar.
Is-Sur Higgins kompla jgħid li dakinhar tant kien aggressiv li saħansitra aggredixxa lilu wkoll u laqtu bil-bieba tal-karozza, fl-attentat tiegħu biex jiġġieled mal-mara u jġiegħlha tmur lura miegħu f’darhom.
Qal li meta jumejn wara marret għax-xogħol u ma rritornatx id-dar, qalbu ħebritu li ġara xi ħaġa.
Għalkemm il-mowbajl kien mitfi, il-missier ma qatax qalbu u baqa’ jċempel.
Madanakollu, ħsibijietu marru għall-agħar xenarju.
“Għidt disgħa u disgħin fil-mija ħa nsibuha mejta.”
Kienu tlett ijiem li fihom Charlie Higgins kellu rasu maqtuha. Ma kienx jaf x’ħa jaqbad jagħmel. Ħaseb li d-destin ta’ bintu kien magħmul.
“Il-ħin kollu niġri. Mort Tas-Sliema, San Ġiljan għax qaluli li rawh Tas-Sliema. Il-Kalkara, tiela’ u nieżel il-Kalkara bdejt għax in-nies tal-Kalkara qalulna li ġieli jkun hemm filgħaxija.”
U kien proprju fil-Kalkara li nstabet, b’żewġha allegatament qafilha f’kamra deskritta tal-waħx mingħajr ikel u xorb u bla ebda kenn.
Kienet bintha Danika li għarrfet lil nannuha l-ewwel bl-aħbar, li viżibbilment imbikkem qal li issu bintu tinstab qawwija u sħiħa l-Isptar.
Kienu ħamest’ijiem tal-biżà, b’ħafna telefonati u inċertezzi; mimlija mumenti ta’ qtigħ il-qalb. Ħamest’ijiem li Charlie Higgins jittama li l-ebda missier ieħor ma jgħaddi minnhom.
“Tkun konfuż ħafna hux ma tkunx taf x’ġara. Qabel sibniha ma konniex nafu eżatt x’ġara.”