Tnieda d-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar programm propost għall-infiq ta’ fondi Ewropej mill-allokazzjoni għal Malta għas-snin 2021 sa 2027, li jittrattaw il-Fondi Ewropej għall-qasam marittimu, is-sajd u l-akwakultura, li minnu pajjiżna se jgawdi minn investiment ta’ disgħa u għoxrin miljun.
Waħda mill-prijoritajiet għall-infiq mill-Fondi Ewropej fl-oqsma msemmija huma li jkun hemm trawwim ta’ industrija tas-sajd sostenibbli flimkien mar-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi fil-baħar.
Dan se isir b’allokazzjoni ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro biex ikompli jissaħħu l-attivitajiet tas-sajd li jkunu ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli.
Prijorità oħra ta’ dan il-fond huwa li jissaħħaħ it-trawwim ta’ attivitajiet ta’ l-akkwakultura sostenibbli, l-ipproċessar u l-promozzjoni ta’ prodotti tal-ħut biex tkun żgurata is-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea.
Dan mistenni jsir permezz ta’ allokazzjoni ta’ erba’ miljun ewro. Id-direzzjoni strateġika ta’ dan il-programm se tiffoka fuq is-sostenibbilità tas-settur billi jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-akkwakultura fuq l-ambjent marittimu.
L-infiq minn dan il-Fond se jkun qed jikkumplimenta infiq minn programmi oħra li minnu dawn l-oqsma se jgawdu wkoll, fosthom allokazzjonijiet mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni fost oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka li dan id-dokument huwa l-bażi li fuqu ħa jkun ibbażat il-programm ta’ infiq li se jsir f’Malta, liema investimenti proposti huma wkoll fid-direzzjoni tal-Green Deal Ewropew, li huwa immirat li jappoġġja s-sostenibbilità soċjo-ekonomika u ambjentali.
Huwa qal, “Ħa jgħinna dan id-dokument biex issir konsultazzjoni dwar il-qafas li fuqu se ikun qed iseħħ l-infiq ta’ dawn il-fondi. Dawn huma fondi li se jara li jkollna qasam tas-sajd aktar sostenibli, biex ikollna l-inqas impatt ambjentali dwar dan il-qasam.”
Il-pubbliku inġenerali u l-partijiet involuti huma mħeġġa jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika billi jibagħtu suġġerimenti u l-kummenti tagħhom permezz ta’ email fuq consultationemfaf@gov.mt jew b’ittra lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima Fondi Ewropej.