L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, nediet konsultazzjoni pubblika fuq strateġija nazzjonali u kodiċijiet ta’ prattika tajba għall-ġlieda kontra l-ispeċi aljeni invażivi.
L-Awtorità qed ssejjaħ għall-azzjoni kollettiva fil-ġlieda kontra l-ispeċi aljeni invażivi, li huma meqjusa bħala waħda mill-kawżi ewlenin tat-telf talbijodiversità f’ Malta u fid-dinja. L-Awtorità żviluppat u nediet Strateġija Nazzjonali u sett ta’ tmien kodiċijiet ta’ prattika tajba kumplimentari biex jindirizzaw dan l-aspett.
Speċi aljeni huma pjanti jew annimali mhux indiġeni għall-Gżejjer Maltin, u ddaħħlu fl-ambjent tagħna mill-bniedem. Dawn jibdew jikbru u jiżdiedu spontanjament fis-salvaġġ. Dawn jissejħu “invażivi” għax jiżdiedu b’mod mgħaġġel meta l-kundizzjonijiet ikunu favorevoli, waqt li jimpattaw b’mod negattiv l-ambjent, is-soċjetà u lekonomija.
Eżempji ta’ speċi aljeni invażivi aljeni li saru komuni, u sfortunatament spiss jeqirdu lbijodiversità indiġena, jinkludu l-pjuma, l-akaċja, l-agave, is-swaba’ tal-Madonna u l-firien.
Ċertu speċi aljeni invażivi jkollhom impatti soċjo-ekonomiċi sinjifikanti, partikolarment il-pesti tal-pjanti, li jaffettwaw is-setturi tal-agrikoltura u l-ortikultura bħall-Bumunqar Aħmar li jaffettwa s-siġar tal-Palm. L-Istrateġija Nazzjonali u l-Kodiċijiet ta’ Prattika Tajba li żviluppat l-ERA ġew iddisinjati biex jintużaw mill-entitajiet relevanti kollha involuti fir-regolament, movimenti, użu kif ukoll immaniġġjar ta’ speċi aljeni fil-Gżejjer Maltin. Dawn il-policies jissodisfaw ir-rekwiżiti tanNational Biodiversity Strategy and Action Plan ta’ Malta u huma kumplimentari għar-regolamenti eżistenti taħt il-Liġijiet ta’ Malta.
In-National Strategy for Preventing and Mitigating the Impact of Invasive Alien Species (IAS) in the Maltese Islands u n-National Sector-Specific Codes of Good Practice in Relation to Invasive Alien Species in the Maltese Islands, jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-ERA, u huma disponibbli għal konsultazzjoni pubblika għal żmien ta’ sitt ġimgħat, sat-23 ta’ Jannar li ġej.