It-Tlieta filgħodu tnediet għall-konsultazzjoni pubblika, l-istrateġija nazzjonali dwar l-awtiżmu.
L-istrateġija, li fiha 47 pjan ta’ azzjoni, se tkun qed tiffoka fuq l-aspett ħolistiku tal-awtiżmu li persuna tgħaddi minnu mit-twelid sakemm tikber fl-età, jiġifieri mhux se tiffoka biss fuq l-aspett mediku, iżda wkoll fuq l-inklużjoni fl-edukazzjoni u fis-soċjetà.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela u l-Minisru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli.
Lydia Abela qalet illi Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li qed tniedi l-ewwel strateġija dwar persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Hija saħqet illi l-Gvern qed jaħdem sabiex jiġu affaċjati l-isfidi b’rabta mal-awtiżmu.
Hija qalet, “Huwa messaġġ ċar illi dan il-Gvern qiegħed jinkludi lil kulħadd, illi m’għandna nħallu lil ħadd barra u kulħadd għandu jingħata opportunità biex jimxu ‘l quddiem. Ix-xahar ta’ fejn ħa nkunu qegħdin niċċelebraw l-awtiżmu, inqajmu kuxjenza. Ma jiġix biss biex nitkellmu dwar l-awtiżmu imma biex nassiguraw li kulħadd ikun inkluż, kulħadd ikun aċċettat u emanċipat.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet illi din l-istrateġija ġiet imnedija wara li l-Ministeru flimkien mal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu ddiskutew ma’ diversi partijiet involuti fosthom mal-organizzazzjoni Autism Europe u diversi esperti oħra fil-qasam.
Hija qalet, “Wasalna għal dan id-dokument grazzi għall-konsultazzjoni li diġà għamilna ma’ stakeholders differenti u issa din l-aħħar fażi li għandha tirfina lil dan id-dokument biex imbagħad finalment indaħħlu l-istrateġija fil-mod wiesa tagħha.”
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, Dr Alistair De Gaetano sostna illi Malta, għal kuntrarju ta’ ħafna pajjiżi, għandha qafas fuq l-awtiżmu, filwaqt li din l-istrateġija tħares ‘il quddiem lejn l-għanijiet sostenibbli għas-sena 2030 maħruġa min-Nazzjonijiet Magħquda.
Fl-aħħar nett, is-Segretarju Permanenti Matthew Vella qal illi l-istrateġija tiffoka fuq il-potenzjal ta’ kull persuna fis-soċjetà u għalhekk tfisser implimentazzjoni aktar b’saħħitha tal-inklużjoni.
Kull min huwa interessat li jgħid tiegħu fil-konsultazzjoni pubblika dwar l-awtiżmu jista’ jaċċessaha minn fuq is-sit tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u din il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sat-23 ta’ April li ġej.