Madwar 29 immigrant adoloxxenti mill-Etjopja u s-Somalja mietu wara li traffikant tal-persuni fil-Jemen waddabhom fil-baħar għax beża’ li kien se jiġi arrestat.
L-Aġenzija tal-Immigranti tan-Nazzjonijiet Magħquda qalet li kienu 120 immigrant li ġew imbuttati fil-baħar minn fuq id-dgħajsa.
27 immigrant irnexxielhom isalvaw u nstabu fuq bajja minn Uffiċjali tal-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni waqt li kienu qed jagħmlu spezzjoni ta’ rutina. Filwaqt, li 22 persuna oħra għadhom ma nstabux.
Fuq il-midja barranija qed jiġi rrapportat li t-traffikant mar lura lejn is-Somalja biex jiġbor aktar immigranti u jeħodhom lejn il-Jemen.