Għexieren ta’ nies inqatlu tul il-lejl li għadda f’attakki mill-ajru minn Iżrael fil-bliet ta’ Khan Younis, Rafah u Deir al-Balah f’Gaza.
Dawn l-ibliet qegħdin fin-naħa t’isfel tal-istrixxa ta’ Gaza, fejn in-nies ċivili qed jiġu mħeġġa jiċċaqalqu mill-militar ta’ Iżrael.
Aktar ’il fuq f’Gaza City, ġurnalist u tnejn u erbgħin membru tal-familja tiegħu nqatlu f’attakk mill-ajru minn Iżrael.
Intant, waqt intervista, il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, qal li pajjiżu se jkollu r-responsabbiltà tas-sigurtà ta’ Gaza ġaladarba jintemm il-ġlied.
Fl-istess intervista, Netanyahu rreżista sejħiet għal waqfien mill-ġlied minkejja li qal li jista’ jkun hemm waqfiet umanitarji biex titħalla tidħol l-għajnuna u joħorġu l-ostaġġi Iżraeljani.
Illum jimmarka xahar minn meta l-Hamas attakkaw lil Iżrael fis-sebgħa t’Ottubru, fejn inqatlu aktar minn elf u erba’ mitt persuna u nżammu ostaġġi aktar minn mitejn oħra.
Il-militar ta’ Iżrael irrisponda b’attakki mill-ajru f’Gaza, li fl-aħħar jiem komplew jintensifikaw.
Aktar minn għaxart elef persuna nqatlu f’Gaza, inkluż erbat elef tifel u tifla; skont il-Ministeru mmexxi mill-Hamas.
Il-Kap tal-Ġnus Magħquda, Antonio Guterres wissa li Gaza qed issir “ċimiterju għat-tfal”, u l-bżonn ta’ waqfiet mill-ġlied umanitarju qed isir aktar urġenti ma’ kull siegħa li tgħaddi.