Qed jiġi investigat każ fejn għexieren ta’ koalas nstabu mejta jew imweġġa’ f’masġar li fih jinżergħu siġar għal produzzjoni tal-injam f’Victoria fl-Awstralja.
Is-siġar, li huma abitat importanti għal koala, inqalgħu mill-masġar f’Diċembru li għadda u tħallew biss ftit siġar mxerda mal-masġar. B’konsegwenza t’hekk ħafna mill-koalas mietu bil-ġuħ filwaqt li oħrajn allegatament inqatlu minn inġenji kbar li ntużaw biex inqalgħu s-siġar.
Madwar 80 koalas li salvaw il-qerda tal-abitat tagħhom ittieħdu f’post aktar sigur filwaqt dawk li huma mweġġa’ qed jiġu kkurati. Il-Ministeru għall-Ambjent fl-Awstralja poġġa l-koalas fil-lista ta’ annimali vulnerabbli.