Fil-jum ta’ Sibt il-Għid, għexieren ta’ familji rħewlha lejn ir-riserva tas-Simar fix-Xemxija, biex iqattgħu nofstanhar fin-natura, waqt li t-tfal jehdew b’attivitajiet li ħejjew il-Birdlife.
Fil-fatt, kważi mitejn tifel u tifla attendew għall-‘Easter Egg Hunt’ edukattiva li tellgħet il-birdlife. Attività li ilha ssir għal dawn l-aħħar sitt snin, kif spjegalna Mark Gauci mill-Birdlife.Gauci qal li “L-iskop hija li niġbru l-familji hawnhekk biex igawdu n-natura li għandha x’toffri Malta, u norganizzawlhom Easter Egg Hunt, fejn it-tfal jiġu hawn u jkollhom l-eċċitament li jagħmlu ftit minuti ifittxu l-bajd.”
Hu spjega li wara, t-tfal jimxu lejn parti oħra tar-riserva, fejn flimkien ma’ persuni mill-Birdlife, iqattgħu xi ħin jagħmlu krafts relatati mal-Għid u man-natura.
Wara, dawn jibqgħu jilgħabu fin-natura, fejn dak li jkun saħansitra jista’ jmur josserva l-għasafar bit-tromba mill-bankarelli mpoġġija apposta.
L-attivitajiet jidher li niżlu sew mat-tfal kollha li attendew hek kif uħud sostnew magħna li ħadu gost u tgħalmu li ma jistgħux jirfsu fuq il-fjuri u ma jistgħux jaqtgħuhom.