Mill-inqas 38 persuna tilfet ħajjitha kawża tal-maltemp u kesħa estrema li qed jaħkmu l-Istati Uniti u l-Kanada.
Uffiċjali qalu li mietu 34 persuna madwar l-Istati Uniti, bl-agħar żona milquta tkun il-belt ta’ Buffalo, fl-istat ta’ New York. Erba’ mwiet seħħew fil-Kanada meta xarabank inqalbet fi triq friżata qrib il-belt ta’ Merritt, fil-provinċja tal-punent tal-British Columbia.
Din ix-xitwa hija bla preċedent, u t-temp kiesaħ jestendi mill-Kanada sa nofsinhar sa Rio Grande.
Huwa mbassar li l-maltemp jonqos fil-jiem li ġejjin, iżda l-parir jibqa’ biex jiġi evitat l-ivvjaġġar sakemm ma jkunx essenzjali. Iktar minn 55 miljun Amerikan iridu jsegwu twissija biex jevitaw l-ivjaġġar sakemm mhux għal xi emerġenza.
Ftit inqas minn 200,000 persuna kienu mingħajr provvista tal-elettriku lbieraħ wara nofsinhar. Għalkemm dan huwa ammont kbir ħafna, huwa inqas mill-1.7 miljun li kienu bla servizzi tal-elettriku sa jiem ilu. Eluf ta’ titjiriet ġew ikkanċellati, u b’hekk ħafna nies ma laħqux lill-familji tagħhom fil-Milied.