Hemm koppji li minħabba dak li qed jiġri qegħdin jipposponu ż-żwieġ tagħhom.
Deċiżjoni iebsa wara xhur jew saħansitra snin jippreparaw. Il-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tennew li dawn il-koppji li ddeċidew li jagħmlu xi ħaġa responsabbli għandhom ikunu apprezzati u mhux ikkastigati billi jintalbu jerġgħu jħallsu ta’ spejjeż amministrattivi.
Ingħad li Identity Malta ngħatat struzzjoni li ma terġax titlob ħlas li diġà sar biex issir applikazzjoni ġdida.
“Deċiżjoni iebsa ta’ dawk il-koppji li jkunu ilhom żmien twil iħejju għal ġurnata speċjali u issa kellhom jipposponu. Kellmuni xi persuni li meta marru għand Identity Malta ntalbu jħallsu mill-ġdid. Tajt struzzjonijiet mod ieħor. L-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu. Dawn il-persuni li għażlu li jkunu responsabbli rridu ntaffulhom u mhux inżidulhom il-piż,” kiteb il-Ministru Camilleri fuq Facebook.