Rapporti minn uffiċjali fil-Pakistan qalu li attakk bil-missili fuq territorju kkontrollat mill-Pakistan ħalla mill-anqas 26 persuna ċivili mejta u 46 oħra feruti.
Waħda mill-missili laqtet il-Moskea Subhan fil-belt ta’ Bahawalpur f’Punjab fejn mietu 13-il persuna inkluż tifel.
Hemm rapporti wkoll ta’ ġlied bl-armi ma’ truppi Indjani f’diversi lokalitajiet fuq il-fruntiera ta’ waqfien mill-ġlied f’Kashmir.
L-Indja qalet li l-missili kienu intenzjonati biex ikissru infrastruttura wżata mill-militanti f’lokazzjonijiet fil-Pakistan amministrati mill-Kashmir kif ukoll fil-provinċja ta’ Punjab. Huma qalu li l-attakki kienu preċiżi u l-ebda faċilità militari tal-Pakistan ma kienet fil-mira tagħhom.
Filfatt fil-mira kellhom disa’ siti u din l-azzjoni kienet bħala risposta għall-attakk militanti bl-armi li seħħ fil-parti Indjana kkontrollata mill-Kashmir ġimgħa ilu li fih inqatlu 26 persuna fil-maġġoranza turisti Indjani. Il-Ministeru tad-Difiża Indjan ikkonferma li din kienet Operazzjoni Sindoor kontra infrastruttura terroristika fil-Pakistan u it-territorji okkupati mill-Pakistan ta’ Jammu u Kashmir minn fejn kienu ppjanati u diretti attakki terroristiċi lejn l-Indja.
Iżda l-Ministru tad-Difiża tal-Pakistan Khawaja Asif qal li kull sit milqut kmieni l-Erbgħa filgħodu kien wieħed ċivili u mhux kampijiet militanti.
Il-Ministru tal-Informazzjoni tal-Pakistan Attaullah Tarar qal li pajjiżu kien se jagħmel minn kollox biex jiddefendi t-territorju tiegħu hekk kif it-tensjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ġirien armati b’munizzjon nukleari eskalat sew.
Il-Prim Ministru tal-Pakistan Muhammad Shehbaz Sharif irrefera għal dan l-attakk mill-Indja bħala wieħed ta’ gwerra u ħalef li pajjiżu għandu kull dritt li jirritalja lura bil-qawwa kollha.