- TELQET TAJJEB SKEMA LI TGĦIN NIES BI DĦUL BAXX ISIRU SIDIEN TA’ DJARHOM
L-iskema mnedija mill-Gvern ta’ self affordabbli għal dawk bi dħul baxx qed tintlaqa’ b’mod pożittiv, wara li fl-ewwel xahrejn daħlu 138 applikazzjoni.
L-iskema tal-Home Assist kienet mnedija f’Jannar li għaddha bil-għan li tagħmilha possibbli li dawk bi dħul baxx ukoll ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom, u b’hekk tnaqqas id-dipendenza fuq l-għajnuna u l-akkomodazzjoni soċjali offruta mill-Gvern.
Skont tagħrif li kisbet din il-gazzetta jirriżulta li mill-applikazzjonijiet li daħlu fl-ewwel xahrejn, 60 applikazzjoni diġà ġew mgħoddija lill-banek għall-iskrutinju tagħhom, filwaqt li 59 oħra għadhom qed jiġu verifikati mill-Awtorità tad-Djar u mill-Fondazzjoni għas-Servizzi u Ħarsien Soċjali (FSWS). Ammont iżgħar ta’ applikazzjonijiet (18) għadhom qed jistennew xi dokumenti biex jimxu ’l quddiem fil-proċess filwaqt li żewġ applikazzjonijiet ġew meqjusa invalidi.Dan isegwi s-suċċess tal-ewwel skema ta’ self affordabbli (APS Social Loan) li kienet tnediet f’Mejju 2017. Permezz tal-ewwel skema, 26 persuna diġà saru sidien ta’ djarhom wara li ffirmaw konvenju. 15-il persuna oħra se jiffirmaw il-konvenju fil-ġimgħat li ġejjin, biex b’hekk it-total se jkompli jitla’ għal aktar minn 40.
Minn statistika li rat din il-gazzetta, turi wkoll li madwar 100 persuna oħra ssodisfaw il-kriterji kemm tal-banek kif ukoll tal-ewwel skema, u qed ifittxu r-residenza futura tagħhom.
“Din hija turija ċara ta’ kemm il-Gvern lest li jinvesti biex ħadd ma jaqa’ lura. Permezz ta’ dawn l-iskemi ta’ self affordabbli, qed nagħtu l-għodda neċessarja biex persuni bi dħul baxx ukoll ikunu eliġibbli li jieħdu self u jsiru sidien ta’ djarhom. Kwistjoni ta’ empowerment. Irridu li fejn possibbli, anke persuni bi dħul baxx isiru l-arkitetti tal-futur tagħhom u mhux jiddependu aktar mill-assistenza soċjali li jipprovdi l-Gvern,” ikkummenta s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.
Taħt l-iskema ta’ self affordabbli mnedija f’Jannar li għaddha, il-bank jista’ jsellef sa massimu ta’ €120,000, żieda ta’ 20% fuq il-massimu li kien offrut qabel fl-ewwel skema. Il-Gvern żied ukoll it-thresholds tad-dħul li kienu jiddeterminaw jekk applikant ikunx eliġibbli għal dan is-self. Taħt din l-iskema, huma eliġibbli l-persuni single bi dħul ta’ mhux aktar minn €18,000, single parents bi dħul massimu ta’ €19,000, u koppji bi dħul massimu ta’ €20,000.
Hu maħsub li l-Home Assist tgħin madwar 250 familja, bl-investiment tal-Gvern ilaħħaq it-€30 miljun.