Qatt ma ra lil ommu u konvint li m’għandu l-ħadd jiġi minnu. Bla familja.
Dan huwa Mario Scott ta’ 70 sena. Meta kien tarbija ommu Alice, li ma jafx, u li qatt ma kellimha, ma setgħetx trabbih u ħaditu fl-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem fejn għex għal kważi tletin sena. Kemm dam hemm, dejjem xtaq li ommu jew xi ħadd jiġu minnu, jmur iżuru. Madankollu dan qatt ma seħħ.
Ħajtu sa minn ċkunitu dejjem għexha waħdu u saħansitra beda jduq l-imrar, li kultant taf toffri l-ħajja.
Minn dejjem kien imidd għonqu għax-xogħol. Meta beda jitfarfar, beda jagħmel xi xogħol fl-istamperija għall-istitut. Kien iħaddem il-magna bil-labar, fosthom jaħdem fuq l-almanakki li kienu joħorġu kull sena.
Mario kien minn dejjem raġel ħabrieki, tant li għalkemm kien f’istitut kien għamel żmien jaħdem f’żewġ fabbriki f’Għawdex.
Meta kien ħa jagħlaq tletin sena, Mario spiċċa b’ta’ fuqu senduqu. Spiċċa bla saqaf fuq rasu. L-istitut għalaq u saħansitra għal xi żmien kellu jorqod barra. Iddecieda li jibda ħajtu mill-ġdid u għalhekk ħaseb biex jiġi Malta. Xi ħbieb tiegħu Għawdxin li kienu joqogħdu l-Belt offrewlu kenn f’darhom.
Mill-Belt spiċċa mar il-Ħamrun fejn fil-bidu kellu flus biss għal tazza te f’ġurnata. Minn jeddu lil tat-te beda jiġborlu t-tazzi u s-sid tal-ħanut offrielu li jtih kamra fejn joqgħod, u li jibqa jaħdem miegħu ukoll.
Qal, “Qalli tidher bieżel ġuvnott. Qalli tridx tiġi taħdem miegħi. Għidtlu kieku tajjeb għax m’għandix fejn immur. Qalli tibżax, qalli umbagħad fuq għandi kamra toqgħod miegħi, toqgħod għandi fuq il-ħanut u toqgħod taħdem miegħi, għamilt xi sena u nofs naħslu t-tazzi u għamiltha spiss.”
Mario Scott kellu xewqa li jsib lil ommu, fittixha imma qatt ma rnexxielu jsibha. Sakemm darba fost l-oħrajn, ġietu opportunità biex imur ifittex lil ommu fl-Awstralja flimkien ma’ tim li akkumpanjah f’dan il-kontinent kbir. Iżda wara ħafna vjaġġi twal u ta’ qtiegħ il-qalb irċieva aħbar li qatt ma kien qed jistenna. Raġel li kien flimkien miegħu mat-tim, li kien qed jgħinu jsib lil ommu, tgħarraflu li ommu kienet laħqet mietet.
Qal, “Dawn saru jafu li ommi kienet mejta. U qalli issa ngħidlek x’nagħmlu, qalli mmorru nfittxuha ċ-ċimiterju, tal-inqas. U bqajna nduru sakemm sibna ċimiterju kbir, għall-Maltin biss, u kien hemm Wieħed bl-Isem Alice Scott, għax Alice kien jisimha. Sibniha rħama. Bqajt ma rajtha qatt, qatt lil ommi.”
Għalkemm f’ħajtu Mario miss il-qiegħ, għandu fiduċja kbira f’Alla. Huwa jżomm kurċifiss miegħu kuljum. Qalilna, tiġri wara Alla, Alla jiġri warajk. It-talb, il-paċenzja u s-skiet huma dak li jżommuh għaddej kontra kull xkiel li jiltaqa miegħu fil-ħajja.
Meta kien fl-istitut, kien jieħu ħsieb il-kappella fejn kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu jitkellem m’Alla li għalih huwa l-missier li qatt ma kellu.
Qal, “U kien jieħu ħsiebi u għadu sal-lum jieħu ħsiebi. Bqajt inħobbu, bqajt ngħid dan missieri ta’ bil-ħaqq, ma jitgħarraqx bija, u jħobbni u jibqa jħobbni sal-aħħar ta’ ħajti.
Ta’ kuljum, Mario Scott jieħu bukkun f’The Soup Kitchen fil-Belt Valletta, fejn saħansitra jagħmel kull ma jkun hemm bżonn, volontarjament, għax kif qalilna huwa stess, kull qalb trid oħra. Huwa xtaq jgħaddi messaġġ lil dawk li forsi bħalu il-ħajja mhux dejjem ward u żahar, u forsi bħalissa qegħda ttihom bil-ħarta.
Qal, “Jien nagħtihom parir biex jagħmlu kuraġġ, ma jinsewx lil Alla, għax mingħajru l-bniedem, aħna m’aħna xejn. Tlift lil ommi veru, tlift lil missieri veru, waħdi veru. Imma dejjem ġrejt wara Alla. Mingħajr Alla l-bniedem ma hu xejn.