Kaċċatur li f’April tal-2004 sofra korriment f’għajnejh meta ntlaqat minn pellets taċ-ċomb ta’ kaċċatur ħabib tiegħu, ġie miċħud kumpens għad-danni. Dan wara li l-Qorti sabet li l-applikazzjoni tiegħu kienet preskritta.
Carmelo Vella ta’ 55 sena, ħa passi ċivili kontra Stanley Cardona, li kien responsabbli għall-inċident li wassal biex Vella weġġa’ għajnu tax-xellug, rasu u sidru. L-inċident seħħ meta ż-żewġt’irġiel kienu għall-kaċċa f’għelieqi fil-Ħandaq.
Fil-Qorti ntqal li t-tobba li kkuraw lil Vella għażlu li ma jneħħux iċ-ċomb minn ġismu, peress li l-intervent mediku kien joħoloq riskju ikbar. Madankollu huwa dejjem għex fil-biża li jkun avvelenat miċ-ċomb.
Cardona sostna li l-applikazzjoni ta’ Vella għal kumpens kienet preskritta u konsegwentement m’hu dovut ebda kumpens. Il-Qorti osservat li l-applikazzjoni ġiet ippreżentata f’Marzu tal-2014, sew wara l-perjodu ta’ preskrizzjoni stabbilit mil-liġi. Għalhekk il-kawża ġiet miċħuda.