Lorna Panzavecchia hija waħda mill-wieħed u erbgħin membru tal-Korp tal-Pulizija li aktar kmieni dan ix-xahar ingħataw ċertifikat ta’ mertu bħala rikonoxximent tax-xogħol li wettqu matul is-sena l-oħra.
Din l-uffiċjal tal-Pulizija fil-komunità, ġiet rikonoxxuta għall-intervent f’waqtu tagħha meta assistiet f’każ fejn kien hemm persuna bi problemi ta’ saħħa mentali, li kienet ta’ periklu għaliha nnifisha u għal terzi persuni, hekk kif bdiet tgara l-ġebel minn fuq bejt ta’ residenza.
Spjegat kif, “Din il-persuna kienet imsakkra fl-għoli fejn apparti li bdiet tgara xi affarijiet li bihom setgħet weġġgħet terzi persuni, kienet ta’ periklu għaliha wkoll għax kienet f’tarf li setgħet taqa’. Min-naħa tiegħi bdejt inkellimha b’mod ċar u peress li kont kellimtha ġurnata qabel innutajt minn xiex tbati u bdejt inkellimha bil-mod u ppruvajt nilħaq kompromess magħha fejn finalment tlajt ħdejha u rnexxielha toħroġ minn fejn kienet imsakkra.”
Hija spjegat li x-xogħol tagħha, għalkemm ta’ sodisfazzjon, iġib ukoll ċertu biża’ għaliex qatt ma tkun taf il-periklu li tista’ ssib ma’ wiċċek.
Qalet li, “Ovvjament biża’ dejjem ikun hemm biss però inti trid tneħħi l-biża’ għax inkella dak jaqtagħlek nofs ix-xogħol u l-ideat li jistgħu jiġuk dak il-ħin u taħdem u tiffoka, l-importanti li dak li jkun dejjem ħa tkellmu bil-mod u b’mod li jifhem u ċar u minn hemm toħroġ ir-riżultat.”
L-uffiċjal tal-Pulizija qalet li l-komunikazzjoni kontinwa mar-residenti fil-proġett tal-Pulizija fil-komunità, jimliha b’kuraġġ għall-ġejjieni, speċjalment meta tara liċ-ċittadini jżidu l-fiduċja fil-Korp.
Fl-istess waqt, irringrazzjat ukoll lill-Korp li jirrikonoxxi l-ħidma tal-uffiċjali f’ċerimonji bħal dawn.
Qalet, “Huwa achievement li jimmotivak biex tkun tista’ taħdem anki ta’ kuljum tħossok utli għal dak li jkun, li tkun għintu.”