Mill-Ħamis filgħaxija, iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira se jagħlaq il-bibien tiegħu biex fih jingħata bidu għal proġett ta’ rinovar u mmodernizzar, b’investiment li jaqbeż il-miljun ewro.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, spjegat li mhux se tkun biss il-faċċata li tinbidel, għaliex fuq ġewwa se jsir proġett massiċċ li ilu mistenni diversi snin, li se jibdel dak li hemm bħalissa fl-istess waqt li jagħti lok għal servizzi ġodda.
Is-Sinjura Camilleri spjega: “Ir-reception area ħa tinbidel kollha, ċertu clinics se jitneħħew minn fejn huma se jibqgħu ġol-istess binja imma se jkunu differenti biex ikollna work flow iktar aħjar, se jkun hemm lift ukoll, se jiddaħħlu servizzi ġodda bħall-physiotherapy li għalih il-pazjenti tal-Gzira catchment area u l-Gżira qed ikollhom illum il-ġurnata jmorru ġo health centres oħra jiġifieri dawn huma kollha parti mill-pjan ġdid li se jkun hemm il-Gżira.”
Min-nhar il-Ġimgħa, ir-residenti tal-Gżira u l-lokalitajiet tal-madwar li bħalissa jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, se jkunu jistgħu jinqdew minn sit temporanju li jinsab ftit passi ’l bogħod fi Triq San Albert stess.
Dan is-sit temporanju se jkun miftuħ mit-Tnejn sal-Ħadd, bl-istess ħinijiet ta’ ftuħ taċ-ċentru tas-saħħa.
Fost is-servizzi li se jingħataw hemm it-teħid tad-demm, is-servizz tat-tabib u s-servizz tal-infermiera.
Servizzi li se jingħataw minn sit temporanju:
- Is-servizz tat-tabib
- Is-servizz tal-infermiera
- It-teħid tad-demm
- Il-klinika tal-point of care
- Il-klinika tar-reviżjoni tar-riżultati mediċi
- Il-klinika tad-dijabete
- It-treatment room
Is-Sinjura Camilleri kompliet tispjega: “Se nibqgħu nagħtu s-servizzi kollha li qegħdin nagħtu fil-Health Centre illum barra dawk li huma weqfin minħabba l-COVID. Meta s-servizzi l-oħra nibdew nerġgħu nagħtuhom, bilmod il-mod, il-Client Support Centre tal-Primary Health Care – li huwa miftuħ 24/7, se jibda jinforma lill-pazjenti, iċemplulhom u nibagħtulhom ukoll SMS.”
Il-proġett mistenni jkun lest bħal dan iż-żmien sena.