F’diversi bliet u rħula Maltin ser ikun qed isir eżerċizzju biex pjazez u toroq prinċipali jkunu jistgħu jingħalqu għal perjodu ta’ ħin f’ċerti ġranet, bit-traffiku jgħaddi minn toroq oħra.
Dan bħala parti minn proġett immirat sabiex komunitajiet madwar Malta u Għawdex igawdu minn spazji miftuħa fil-qalba tal-belt u r-raħal tagħhom.
Dan tħabbar fi stqarrija konġunta bejn il-Ministeru għat-Trasport, il-Ministeru tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hekk kif ġie spjegat li dan l-eċerċizzju ser isir b’ħidma ma’ Transport Malta.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava saħansittra spjega ma’ One News li diġà hemm 11-il lokalità li huma interessati f’dan l-eżerċiżżju.
Is-Sur Fava qal, “Ktibna lis-Sindki kollha biex naraw l-interess jekk hux kbir jew le fil-fatt kien hemm diġà iktar minn 11-il lokalità f’dawn il-jumejn li urew interess. Fosthom il-Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan, il-Qrendi, l-Imqabba, ir-Rabat Malta, Ta Xbiex jiġifieri hemm numru sostanzjali diġà ta’ lokalitajiet.”
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Ian Borg spjega li l-pandemija tal-Covid-19 ġabet realtaijiet ġodda, realtajiet li permezz tagħhom tgħallimna napprezzaw is-sabiħ tal-paċi fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Il-Ministru Borg saħaq, “Dawn l-inizjattivi żgur ħa joħolqu l-opportunità biex il-komunitajiet eventwalment jerġgħu jieħdu l-ħajja, ingawdu iżjed il-qalba tal-lokalita tagħna jekk hux promenade jekk hux triq prinċipali jekk hu Xpjazzez imqar għal ftit ħin matul il-ġimgħa.”
Bħala inċentiv il-Gvern se jkun qiegħed ukoll jgħin fit-tisbiħ u l-manutenzjoni ta’ proġetti fl-istess irħula, kif ukoll joffri għadd ta’ siġar sabiex jiġu miżrugħa f’postijiet identifikati mill-istess Kunsilli Lokali.
Il-Ministru temm jgħid, “Il-Kunsilli Lokali qed ngħidulhom li jekk ser ikun qed jikkolaboraw se jkunu qed jieħdu inċentivi minn naħa tal-Ministeru kemm tiegħu kemm dak ta’ Transport Malta l-Awtorità rispettiva permezz ta’ tisbieħ u upgrading taż-żoni li ser ikunu qed jiġu allura ddedikati għal dawn il-miżuri li ħabbarna dalgħodu.”
Intant il-Ministru għall-Gvern Lokali Josè Herrera qal ukoll li permezz ta’ dan l-eżerċizzju mhux biss se jgawdu aħjar l-ibliet u l-irħula iżda wkoll se tingħata spinta pożittiva lill-ambjent lokali, hekk kif mistenni jonqos it-tniġġis.